Wara ġimgħa ta’ maltemp u riħ qawwi, jidher li l-ħarifa se tieħu pawsa qasira hekk kif tmiem il-ġimgħa mistennija ġġib magħha temp xemxi u sħun.
Skont it-tbassir tal-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta, fis-sigħat u l-jiem li ġejjin mistenni tidħol sistema ta’ pressjoni għolja fuq il-Mediterran. Din se ġġib magħha temp aktar stabbli, b’inqas riħ u aktar xemx, u tista’ twassal biex it-temperatura titla’ sa 29°C sal-Ħadd 26 ta’ Ottubru – kważi erba’ gradi aktar mill-medja ta’ dan ix-xahar.
It-tibdil fil-kundizzjonijiet se jibda jidher minn nhar il-Ġimgħa hekk kif ir-riħ ser jonqos. Bejn is-Sibt u l-Ħadd, ir-riħ se jdawwar lejn in-Nofsinhar il-Lbiċ u jmut kważi għal kollox.
Dan il-perjodu ta’ temp sabiħ u sħun – li normalment iseħħ f’nofs Novembru – hu magħruf lokalment bħala s-sajf ta’ San Martin. Matul dan iż-żmien, sistemi ta’ pressjoni għolja fuq il-Mediterran jimblukkaw il-maltemp u jagħtu lok għal ġranet kalmi u xemxin, li jidhru bħal ritorn qasir tas-sajf qabel ix-xitwa tibda tidħol bis-serjetà.
Madankollu it-Tnejn ir-riħ ser jerġa’ jdur lejn il-Majjistral u jibda jissaħħaħ. Dan se jwassal biex it-temperatura tonqos b’madwar 7°C, għal madwar 22°C sat-Tlieta, b’kundizzjonijiet aktar friski.
Ix-xahar ta’ Settembru, kien ukoll xott ħafna. Matul dak ix-xahar, ġew irreġistrati 7.4 mm xita biss, li jfisser li kien aktar minn 50 mm inqas mill-medja normali. Minkejja dan, Settembru kien sħun u xemxi aktar mis-soltu, b’temperatura medja ta’ 25.6°C u b’aktar minn 9 sigħat xemx kuljum.
//= $special ?>

