Il-proċeduri kriminali kontra raġel akkużat li attakka lill-eks sieħba tiegħu twaqqgħu wara li l-mara qalet lill-Qorti li xtaqet tirtira l-ilment tagħha. Il-prosekuzzjoni spjegat li fit-21 ta’ Ottubru, il-mara kienet għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, fejn allegat li s-sieħeb tagħha kien tah daqqa f’imnieħerha u ta daqqa ta’ ħarta waqt argument li seħħ wara lejl ta’ xorb. Il-ġrieħi li sofriet ġew iċċertifikati bħala ta’ natura gravi.
L-akkużat, ta’ nazzjonalità Kolombjana ta’ 28 sena residenti l-Imsida, ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu ftit qabel ma kellu jitla’ fuq titjira li kien ibbukkja ġimgħa qabel. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkawża ġrieħi gravi lill-eks sieħba tiegħu, li heddidha, li wettaq danni fuqha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontrieha.
Meta xehdet, il-mara spjegat li kienet f’relazzjoni mal-akkużat għal madwar sena iżda kienu sseparaw madwar ġimagħtejn qabel l-inċident. Hija qalet li m’għandhiex biża’ mill-eks sieħeb tagħha u esprimiet l-apprezzament tagħha lejn it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika għall-intervent rapidu tagħhom.
Wara li l-Qorti kkonfermat li t-talba tagħha biex tirtira l-ilment saret b’mod liberu u mingħajr kundizzjoni, il-Maġistrat aċċetta t-talba u ordna s-sospensjoni tal-proċeduri. Qabel ma l-akkużat telaq mill-awla tal-Qorti, il-Maġistrat Joseph Gatt indirizzah b’mod ċar u qal: “Ma rridx nerġa’ narak quddiemi qatt.”
Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt. L-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avujkat Ġenerali mexxiet il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Nadya Fiott dehret għall-akkużat.
//= $special ?>