Lokali

Agius Saliba jattakka lill-għaqdiet għax se jipprotestaw

Il-Membru Parlamentari Ewropew u Deputat Mexxej tal-Labour Alex Agius Saliba għażel li fil-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali Annwali Laburista jattakka lill-Partit Nazzjonalista, sempliċiment biex jifred u mhux jgħaqqad. Dan meta ironikament, fl-istess diskors, Agius Saliba stess wissa’ dwar din il-mibgħeda.

U tant kemm il-Partit Laburista jinsab f’paniku – li l-verità donnha dejqet lill-eks blogger, issa MEP Laburista u Deputat Mexxej ta’ Robert Abela.

Dan hekk kif il-paniku tiegħu u ta’ sħabu ttanta jdawwru l-attakk fuq ħaddieħor billi fost l-oħrajn kritika mhux biss lill-Partit Nazzjonalista iżda lill-Membri Parlamentari Ewropej barranin – li jpoġġu ma’ ġenbu fi Brussell.

Iżda ma waqafx hawn – għaliex Alex Agius Saliba, li fid-diskors tiegħu prova jpinġi lilu nnifsu ta’ paladin tal-paċi u l-politika imparzjali f’ġieh id-demokrazija – attakka b’negattività assoluta d-dritt li ċ-ċittadin li jipprotesta. U agħar minn hekk, ivvinta gidba dwar il-Partit Nazzjonalista biex jipprova jimmina lill-għaqdiet taż-żgħażagħ u l-għaqdiet ambjentali.

Skont Agius Saliba Ġustizzja għal Artna – organizzazzjoni li jifformaw parti minnha…Wirt iż-Żejtun, Residenti tal-Qrendi, Ramblers Malta, Residenti Beltin, Żminijietna Leħen ix-Xellug, Pembroke Residents, Repubblika, Marsaxlokk Residents, l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Kriminoloġija, Moviment Graffitti, KSU, Pen Malta, Marsaskala Residents Network, l-gazzetti MaltaToday u l-Illum, Wirt Għawdex, Din l-Art Ħelwa, BirdLife Malta, l-Għaqda Studenti tal-Liġi, Aditus, u l-MGRM fost l-oħrajn…skont Agius Saliba huma parti mill-Partit Nazzjonalista.

Attakk sfaċċat mill-Partit Laburista fil-konfront ta’ dawn l-NGOs u l-għaqdiet varji li jridu jwasslu leħinhom kontra r-riforma fil-liġi tal-ippjanar li qed jimbottaw Robert Abela u sħabu.