Futbol Sport

Analiżi u statistika | Nirrikonoxxu l-pożittiv mit-telfa Ħamruniża

Ritratt ta' Joseph Galea.
Ritratt ta' Joseph Galea.

Kontra Lausanne Sport, Ħamrun Spartans tilfu 1-0, iżda kien jimmerithom aħjar. Christian Micallef ġabar l-istatistika ta’ wara l-partita tal-bieraħ u janaliża t-tajjeb li sar u dak li setgħa sar aħjar miċ-champions Maltin wara t-tieni logħba tal-istadju tal-Kampjonat, tal-UEFA Conference League.

L-għada tal-partita mil-istadju tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League bejn Ħamrun Spartans u Lausanne Sport, id-diżappunt tal-Ħamruniżi u ta’ dawk il-Maltin li minkejja li m’humiex partitarji taċ-champions Maltin, bħal bieraħ taw l-appoġġ lil tim Malti f’kompetizzjoni Ewropea, hu kbir. Dan is-sentiment m’huwiex għaliex Ħamrun Spartans taw wirja ħażina, anzi bil-kontra, iżda għaliex l-iskwadra ta’ Giacomo Modica kellha biex tirbaħ punt jew tlieta bl-ammont ta’ ċanisjiet ta’ skor li huma kellhom li iżda bejn sfortuna, bravura tal-gowlkiper avversarju u nuqqas ta’ preċiżjoni, Ħamrun Spartans naqsu milli jisfruttaw.

Ritratt ta’ Joseph Galea.

L-ewwel partita tal-Ħamruniżi, f’dan l-istadju tal-UEFA Conference League, kontra Jagiellonia Białystok tal-Polonja kienet tajba u l-Maltin kienu bravi biżżejjed li komplew jibnu fuq il-prestazzjoni li taw fl-ewwel logħba, biex f’pajjiżna, kontra Lausanne Sport tal-Iżvizzera, huma taw wirja bil-wisq aħjar u mingħajr tlaqliq, ma nkunux qed nesaġeraw jekk ngħidu li Ħamrun Spartans kien jimmerithom aħjar, saħansitra li jirbħu.

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istatistika miġbura wara l-partita tal-bieraħ bejn Ħamrun Spartans u Lausanne Sport, malajr nindunaw kemm il-Maltin kellhom wirja tajba, kellhom ħafna pożittiv għajr li ma skorjawx.

L-istatistika miġbura wara l-partita tal-bieraħ bejn Ħamrun Spartans u Lausanne Sport tal-Iżvizzera.

Ħamrun Spartans b’xG bil-wisq aħjar minn ta’ Lausanne Sport

L-xG taż-żewġ timijiet turi diskrepanza, li m’hijix żgħira, bejn iż-żewġ timijiet. L-xG hija metrika użata, li tikkalkula l-probabiltá li xutt fl-attakk, jirriżulta f’gowl. Skont l-istatistika ta’ wara din il-logħba, l-xG ta’ Ħamrun Spartans kien ta’ 1.82 filwaqt li dak ta’ Lausanne Sport kien ta’ 0.69.

Il-Maltin kellhom bil-wisq aktar konklużżjonijiet lejn il-lasta avversarja. Ħamrun Spartans kellhom 16-il xutt lejn il-lasta ta’ Lausanne Sport, b’tnejn biss minn dan l-ammont kienu konklużi fil-lasta. Dan il-fatt waħdu juri li filwaqt li Ħamrun Spartans kienu kapaċi joħolqu ċ-ċansijiet ta’ skor, u kellhom aktar opportunitajiet mill-avversarji Żvizzeri, id-diffikultá tal-plejers immexxija minn Modica kienet meta ġew għall-aħħar xutt.

Ritratt ta’ Joseph Galea..

Il-Maltin ħolqu aktar ċansijiet fl-attakk, iżda Lausanne Sport sfruttaw aħjar l-okkazzjonijiet ta’ skor

Lausanne Sport kellhom għaxar tentattivi lejn il-lasta difiża minn Henry Bonello, b’ħamsa minn dawn kienu fil-lasta. Għaldaqstant jekk wieħed jipparaguna liż-żewġ timijiet minn dan l-aspett, malajr nintebħu li t-tim taħt il-gwida teknika tal-kowċ, Peter Zeidler sfruttaw aħjar iċ-ċansijiet ta’ skor li kellhom fil-partita, anke jekk dawn kienu anqas fl-ammont minn dawk ta’ Ħamrun Spartans.

Probabilment hemm min qed jgħid, għalfejn din l-analiżi kollha, jekk fl-aħħar mill-aħħar mill-aħħar Ħamrun Spartans tilfu. Ikun żball min jirraġuna hekk, għaliex fir-rebħ jew fit-telf, l-analiżi għandha ssir dejjem biex tirrikonoxxi t-tajjeb u l-ħażin ta’ kwalunkwé tim.

Ritratt ta’ Joseph Galea.

Ħamrun Spartans qed jagħtu prova ta’ qlubija, reżiljenza u determinazzjoni kbira

Li hu żgur hu li wara l-ewwel żewġ partiti fl-istadju tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League, Ħamrun Spartans urew qlubija, reżiljenza u determinazzjoni kbira kontra avversarji aktar b’saħħithom mit-tim Malti, u b’baġit finanzjarju bil-wisq akbar minn dak ta’ Ħamrun Spartans.

Minkejja li ċ-champions Maltin tilfu l-ewwel żewġ partiti 1-0 kontra Jagiellonia Białystok u Lausanne Sport, Ħamrun Spartans kabbru r-reputazzjoni tagħhom fil-futbol Ewropew, iżda mhux biss. Il-prestazzjonijiet li qed jagħtu Ħamrun Spartans, jirrifletti tajjeb fuq il-progress tal-futbol Malti, kemm fuq livell ta’ klabbs kif ukoll tat-tim nazzjonali Malti.

Wieħed jawgura, li b’dawn il-prestazzjonijiet pożittivi, anke jekk Ħamrun Spartans għadhom mingħajr punt, it-tim Malti ikun ippremjat bir-rebħ tal-ewwel punti u rebħ ta’ partiti fil-bqija tal-logħob li fadal f’din il-kompetizzjoni.