Lokali Saħħa

Beyond Pink: Għarfien li jmur lil hinn mill-kulur roża

Ritratti: Martin Agius

“Mill-biża’ għall-kuraġġ, għat-tama. Dijanjosi kmieni, tista’ twassal għal trattament xieraq. Ejja nieħdu ħsieb lil xulxin, u fuq kollox nieħdu ħsieb saħħitna”.

Kienu dawn il-kliem ta’ tama li offriet Sarah, meta tkellmet f’attività li organizzat fid-Dar Ċentrali bil-għan li jsir aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider. Fejn hi spjegat illi x-xahar ta’ Ottubru huwa aktar mill-kulur roża, huwa aktar minn ċoff – għalhekk din l-attività kien jisimha propju Beyond Pink.

Kienu sitt kelliema preżenti sabiex jaqsmu l-istorja u l-pariri tagħhom. L-ewwel kelliema kienet Esther Sant, mara li attwalment qed tirċievi t-trattament għall-kanċer tas-sider. Fejn spjegat illi l-klinika tas-sider ilha stabbilità għall-aħħar 25 sena, hekk kif appellat lin-nisa sabiex ifittxu li jmorru għal check-ups regolari. Esther anke ppreżentat bollol li saru b’kollaborazzjoni mal-MaltaPost b’rabta mal-Pink October, lil Sarah.

Kienet preżenti wkoll Josephine Xuereb, midwife li bħalissa qed tiġġieled il-mara tal-kanċer. Hija spjegat li dan il-kanċer ma joħroġx biss lin-nisa imma jistgħu jkunu anke rġiel li jkollhom din id-dijanjosi. Fejn spjegat kif wieħed għandu jipprevjeni milli jkollu l-kanċer, billi jagħmel numru ta’ testijiet fosthom mammogram normali u anke dik 3D, ultrasound u anke l-MRI fost l-oħrajn.

Josephine spjegat ukoll it-tipi differenti ta’ kanċer tas-sider fejn qalet li c-check-ups għandhom isiru kull tliet snin fl-etajiet ta’ bejn 21 sena sa 69 sena.

Tkellem ukoll Wilfred Kenely mill-RIDT, fejn spjega illi huma 88% fl-EU li jsalvaw, u jgħixu ħajja normali meta jkollhom dijanjosi ta’ kanċer tas-sider. Kenely spjega li r-riċerka f’dan il-qasam huwa importanti, u li għandna napprezzaw lil dawk il-persuni li għażlu din it-triq ta’ riċerka. Huwa rringrazzja lil Sarah tal-fondi li ġabret u li se jmorru sabiex ir-riċerka tkompli żżi.

Preżenti kienet ukoll il-Viċi President ta’ Europa Donna, Rowena Enriquez. Rowena kellha l-ewwel dijanjosi ta’ 29 sena, b’żewġt itfal ta’ 3 u 7 snin. Hija spjegat li l-kanċer tas-sider ma jaffetwax biss l-aspett fiżiku iżda anke dak psikoloġiku, b’mod speċjali meta tilfet xagħra. Rowena spjegat li l-NGO, tipprovdi trasport għall-Għawdxin li jinżlu Malta għat-trattament. EuropaDonna tipprovdi wkoll l-finanzi sabiex studenta tal-PhD tagħmel riċerka fil-kanċer.

Margaret Mercieca, mara li kellha tneħħi sidirha wara dijanjosi tal-kanċer. Margaret spjegat kemm kien importanti is-sapport tal-familja u l-ħbieb tagħha tul dan iż-żmien tant diffiċli f’ħajjitha. Hija spjegat ukoll li wieħed għandu jibqa’ jistrieħ fuq il-qraba, u dawk ta’ madwaru għaliex huwa fattur importanti fit-triq għall-fejqan.

Minn naħa tagħha Lorinda Mamo, omm li ukoll kellha dijanjosi tal-kanċer spjegat kif taqsam l-istorja tagħha permezz tal-midja soċjali. Hija spjegat li l-aktar fattur li kien diffiċli f’dan iż-żmien, kien it-tifel tagħha. Fejn anke spjegat li wieħed għandu jaċċetta l-għajnuna ta’ dawk kollha ta’ madwaru għaliex anke huma jkunu qed jgħaddu miż-żmien diffiċli mal-pazjent.

Preżenti għal din l-attività kienu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello kif ukoll il-Kap Eżekuttiv Sabine Agius Cabourdin.

Il-fondi li nġabru f’din l-attività marru għal Action for Breast Cancer Foundation, RIDT u EuropaDonna.