Il-Bank of Valletta (BOV) ingħaqad mal-komunità dinjija biex jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Etika 2025, biex b’hekk reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu favur l-integrità u t-tmexxija etika fis-settur finanzjarju.
It-tema uffiċjali ta’ din is-sena, “Ethics Re-envisioned”, magħżula mill-Kunsill Carnegie għall-Etika fuq livell internazzjonali, tistieden lill-organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja jaħsbu kif l-etika u l-innovazzjoni jistgħu jimxu id f’id f’dinja li kulma jmur qed issir dejjem aktar diġitali.
Bħala parteċipant attiv fl-inizjattiva tal-Kunsill Carnegie għall-Jum Dinji tal-Etika, il-BOV ikompli jippromwovi kultura b’saħħitha ta’ integrità permezz ta’ kampanji ta’ għarfien, sessjonijiet ta’ taħriġ u inizjattivi edukattivi tul is-sena kollha. Matul l-2025, il-Bank organizza diversi attivitajiet għall-impjegati b’aċċenn fuq teħid ta’ deċiżjonijiet etiċi, użu responsabbli tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA), protezzjoni tad-data u għarfien kontra l-kriminalità finanzjarja. Fix-xhur u l-ġimgħat li wasslu għall-Jum Dinji tal-Etika, impjegati minn kull funzjoni madwar il-Bank ipparteċipaw f’diskussjonijiet interni, workshops u sessjonijiet fejn inqassmu stejjer li jenfasizzaw is-setgħa tal-vuċi fil-ħolqien ta’ post tax-xogħol trasparenti u mmexxi bil-valuri.
“F’dinja fejn it-teknoloġija spiss timxi b’pass aktar mgħaġġel mir-regolamentazzjoni, it-tmexxija etika hija indispensabbli,” qal Anatoli Grech, Group Chief Compliance Officer fil-Bank of Valletta. “Fil-BOV aħna nemmnu ħafna li għandna nkunu kuraġġużi diġitalment, iżda nżommu wkoll għeruq fondi fil-valuri tagħna. Ninsistu li l-integrità tkun parti minn kull proġett li nieħdu ħsieb, mill-governanza tad-data u l-użu tal-IA sal-mod kif naqdu lill-klijenti tagħna. Meta l-etika tinbena fl-innovazzjoni, il-progress isir tassew sostenibbli.”
Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, żied jgħid, “It-trasformazzjoni diġitali hija vitali għat-tkabbir tagħna, iżda progress mingħajr prinċipji mhuwiex progress. L-għan tagħna hu li niffurmaw il-ġejjieni b’integrità, billi nkunu trasparenti, responsabbli u dejjem immexxija minn dak li hu sewwa għall-klijenti tagħna, għan-nies tagħna u l-komunità.”
Il-Bank enfasizza li hekk kif l-industrija finanzjarja tadotta cloud computing, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji bbażati fuq id-data, il-bżonn ta’ salvagwardji etiċi b’saħħithom isir dejjem aktar kruċjali. Il-BOV jiffoka li jiżgura li l-innovazzjoni tkun akkumpanjata minn governanza robusta, responsabbiltà u fiduċja. Dawn il-valuri jinsabu fil-qalba tal-organizzazzjoni tagħna.
“Ethics Re-envisioned” tirrifletti l-impenn kontinwu tal-BOV biex iżomm il-valuri ewlenin tiegħu — l-integrità, l-eċċellenza, l-inklużjoni, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà — u biex joħloq kultura fuq il-post tax-xogħol fejn li tagħmel dak li hu sewwa jiġi b’mod naturali. Fil-Jum Dinji tal-Etika, il-BOV ġedded l-impenn tiegħu biex jippromwovi t-trasparenza, il-fiduċja u l-eċċellenza etika fi ħdan il-Bank u madwar il-komunità Maltija.
//= $special ?>
