Internazzjonali

Il-Kanada: Donald Trump ixolji t-trattativi dwar it-tariffi…fost ir-rabja dwar riklam

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Kanada mill-ġdid qed ikunu karatterizzati bit-tensjoni…Dan wara li l-President Amerikan, Donald Trump, ħabbar li se jkun qiegħed ixolji n-negozjati kollha mal-Kanadiżi dwar it-tariffi peress li ħassu offiż dwar riklam politiku…Riklam  li jmur kontra t-tariffi imposti mill-Istati Uniti u li qed tingħata prominenza kbira fil-Kanada.

F’dan ir-riklam, li xxandar fuq l-istazzjonijiet u l-media kollha Kanadiżi, l-ex President tal-Istati Uniti, Ronald Reagan – Repubblikan bħal Trump – jidher waqt li qed jitkellem kontra l-użu tat-tariffi u fejn jinstama’ jgħid li dawn għandhom jinċitaw biss l-istaġnar ekonomiku u pika sostanzjali bejn il-pajjiżi alleati.

Madankollu, il-Fondazzjoni Ronald Reagan qalet li l-Gvern Kanadiż uża “filmat selettiv” ibbażat fuq il-kummenti tal-ex President tal-Istati Uniti rigward it-tariffi.

Intant, il-President Trump wera biċ-ċar ir-rabja tiegħu għar-riklam li qed iqisu bħala ‘insult personali’ — u fejn, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali,  iddikjara ċar u tond li qed iwaqqaf in-negozjati mal-Kanada.

Donald Trump, fl-aħħar xhur, kien impona tariffa ta’ 35 fil-mija fuq l-importazzjonijiet Kanadiżi, għalkemm, fl-istess ħin, ippermetta l-eżenzjonijiet għal oġġetti li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kummerċ mal-Messiku u l-Kanada …Ftehim li Trump kien iffirma snin ilu, waqt l-ewwel mandat tiegħu bħala l-45 President tal-Istati Uniti.