Lokali

Il-One u Micallef jistħu jitkellmu fuq ir-ritorn ta’ Keith Schembri

Id-Delegat Speċjali tal-Labour, Jason Micallef, li kien sfurzat jiġi maħtur minn Robert Abela hekk kif beda jitlef il-kontroll fil-Partit fis-sajf tas-sena l-oħra – f’dawn il-jiem għażel li jibqa’ fommu sieket fuq il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela kkonferma dak li stqarr Keith Schembri ma’ Ricky. Fejn l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat qal li qed jgħin lill-Prim Ministru – fatt li Robert Abela ma’ ċaħdux.

Wara snin ta’ pompa bil-Kasco, issa l-Partit Laburista qiegħed jistħi jassoċċja ruħu fil-pubbliku ma’ Keith Schembri; konxju tal-fatt li fil-verità mhux biss ġab ħsara lir-reputazzjoni tal-partit iżda anke tal-pajjiż.

Tant hu hekk li minflok jiċċelebraw il-konferma tal-Prim Ministru Robert Abela li qed jirċievi pariri mingħand Keith Schembri – l-aħbarijiet tas-Super One, taħt it-tmexxija assolutament partiġjana ta’ Josef Caruana, għażel li jinjora għal kollox din l-aħbar irrapportata minn kull kamra tal-aħbarijiet lokali – daqslikieku qatt ma seħħet.

Iżda l-aktar fatt li spikka kien is-silenzju assolut mid-Delegat Speċjali tal-Labour.

Lura fl-2019, Jason Micallef kien insista iswed fuq l-abjad bħal ma solitament jagħmel, biex lil Keith Schembri l-Labour ikeċċih. Huwa kien appella li l-Partit huwa akbar minn kull individwu u l l-Labour kellu jkeċċi lil Keith Schembri.

Micallef kien saħaq li l-Partit Laburista ma seta qatt jibqa’ ċass quddiem tali deċiżjoni – madanakollu issa donnu li Micallef innifsu baqa’ ċass quddiem l-aħbar li Keith Schembri reġa’ lura fi ħdan il-Labour b’influwenza mill-ġdid fuq il-Prim Ministru.

L-inkoerenza, il-ħabi, il-mistħija u l-qasma fi ħdan il-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jidhru u jinħassu b’mod ċar.

Bil-Prim Ministru Robert Abela qed jitlef il-kontroll tal-partit u ta’ dawk ta’ madwaru fejn bosta qed jisħqu li qed iwarab lil min iridlu l-ġid u jitħalla jiddawwar bl-estremisti li kien warrab hu nnifsu; iżda li ma felaħx jikkumbattihom, u fetħilhom il-bieb beraħ mill-ġdid.