Lokali

“Il-poplu irid jara pjan ċar għat-trasport” – Alex Borg

“Jien qiegħed hawn biex niddefendi lil poplu; biex naħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta kien intervistat fuq l-istazzjon F-LIVING fejn spjega kif hu qiegħed fil-politika sabiex ikun il-vuċi tan-nies – tant li fil-perjodu qasir kemm ilu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista jsaħħaħ il-politika tiegħu propju grazzi għall-kuntatt dirett li qed ikollu fil-lokalitajiet, mal-familji Maltin u Għawdxin.

Alex Borg tkellem fost l-oħrajn dwar il-4-day week, u kif għandha ssir diskussjoni fuq temi bħal dawn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq ix-xogħol li hu wettaq barra minn xtutna. Fejn spjega li fi Brussell huwa mar sabiex jara propju x’jistgħu jigwadanjaw iċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-familji Maltin.

Fl-intervista ma’ Karl Bonaci, hu ddikjara li mhux minnu illi tela’ Brussell jitkellem kontra Malta. Tant hu hekk li Robert Abela offrielu sabiex jitla’ miegħu bil-private jet.

F’din l-intervista issemma’ kif Robert Abela u Clyde Caruana mhux qed jaqblu fuq it-trasport tal-massa.

Intant, huwa tkellem ukoll kif se jkun qed jirrikonoxxi dak li se jsir tajjeb fil-Budget nhar it-Tnejn, iżda jrid jara illi l-isfidi tal-Maltin u l-Għawdxin jiġu ndirizzati.

Alex Borg fakkar kif kien propju l-Partit Nazzjonlista li kabbar is-settur tal-farmaċewtika u li huwa mpossibbli li jkun kontrih. Iżda hemm persuni, fosthom dawk li jieħdu l-mediċini tal-ADHD, li għandhom bżonn l-attenzjoni fejn jidħlu l-mediċini ġeneriċi.

Intant, Alex Borg tkellem ukoll dwar il-propjetà affordabbli, l-għoli tal-ħajja, iż-żieda fil-popolazzjoni u anke r-rata ta’ fertilità li naqset.