Lokali

Jennifer Tabone tgħid li ma tistax tibqa’ fil-Labour biex tissalvagwardja l-kuxjenza tagħha

“Il-Partit Laburista ddeċieda li jħalli ċertu individwi jiddettawlu l-aġenda”

Jennifer Tabone saħqet li ma tistax tibqa’ tagħti sostenn lill-Partit Laburista wara li l-Labour iddeċieda li jħalli ċertu individwi jiddettaw l-aġenda tal-istess partit.

F’kummenti lit-Times of Malta u l-MaltaToday sostniet dan l-issa eks Segretarju Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti wara li rriżenjat minn din il-pożizzjoni wara li l-uffiċjal fl-OPM Neville Gafà għajjarha b’ilsiena velenu – bil-Prim Ministru Robert Abela ma jikkundannax tali diskors mal-media.

Jennifer Tabone saħqet li kieku baqgħet involuta mal-Partit Laburista kien ifisser li qed tkun qed tikkomprometti l-prinċipji tagħha u spjegat li rriżenjat għaliex biex tissalvagwardja l-kuxjenza tagħha ma tistax tibqa’ tagħti sostenn lil strateġija li fundamentalment ma taqbilx magħha.

Rigward l-attakk ta’ Gafà hija insisiet li dejjem waslet it-tħassib tagħha fuq dawn it-tip ta’ attakki u spjegat li sfortunatament għaliex dejjem żammet mal-prinċipji spiċċat ingħatat il-ġenb fil-Partit Laburista.

Dan filwaqt li spjegat li fundamentalment ma taqbilx mar-riforma tal-ippjanar proposta preżentament mill-Gvern  u appellat lill-istess Gvern sabiex verament jisma’ l-għajta tal-poplu.

F’botta ċara u tonda kontra l-Prim Ministru Robert Abela hija saħqet li l-unika żewġ persuni li wrew interess ġenwin fiha kienu l-President tal-Labour Alex Sciberras u d-Deputat Prim Ministru Ian Borg – filwaqt li l-qasma fi ħdan il-Labour tidher ċar kristall aktar minn qatt qabel b’Tabone tgħid li diversi uffiċjali u membri parlamentari qasmu l-inkwiet tagħhom magħha.