Futbol Sport

Joseph Portelli jikkonferma x-xewqa li jixtri l-klabb ta’ Sampdoria, iżda l-media Taljana tiċħad dawn ir-rapporti

Joseph Portelli
Joseph Portelli

Il-ħolma ta’ Joseph Portelli, President ta’ Ħamrun Spartans, hi li jixtri lill-klabb Taljan tas-Serie B, Sampdoria. L-imprenditur Għawdxi, ikkonferma dan f’kummenti li ta lil The Times, wara l-partita tal-bieraħ tal-UEFA Conference League bejn Ħamrun Spartans u Lausanne Sport tal-Iżvizzera.

Portelli żied jgħid ukoll li preżentament, apparti Sampdoria, hu qed jikkonsidra alternattivi oħra, hekk kif jixtieq isir propjetatur ta’ klabb fl-Italja.

L-istorja li Portelli jista’ jixtri lill-klabb kienet żvelata l-ewwel, nhar it-Tnejn li għadda, waqt programm sportiv fuq TVM Sports. Portelli ma ċaħadx din il-possibiltá u f’kummenti li ta l-bieraħ, qal li “il-verità hi, kif dejjem għidt, li jekk Alla jħares qatt, Sampdoria jfallu finanzjarjament, tkun l-ambizzjoni ta’ kull President u investitur li jieħu f’idejh klabb bħal dan. Għalhekk jekk dawn ikunu ċ-ċirkostanzi tal-klabb, mhux se naħsiha darbtejn biex nixtri lil dan il-klabb, anke jekk dan ikun ifisser li Sampdoria jkollhom jibdew kollox mill-bidu, saħanistra mis-Serie D.”

Iżda filwaqt li l-futur ta’ Sampdoria hu wieħed inċert, kemm mill-aspett ta’ riżultati li qed ikunu miksuba fil-pitch, kif ukoll mill-aspett amministrattiv, sforz id-dejn finanzjarju li għandhom i Blucerchiati,  fl-aħħar sigħat, il-media Taljana, ċaħdet il-possibiltá li Portelli jista’ jixtri l-klabb minn Genoa.

Din iċ-ċaħda saret minn diversi siti tal-aħbarijiet fl-Italja. Fost l-oħrajn, is-sit elettroniku calciomercato,com, qal li “m’hemm ebda negozjati ma’ Joseph Portelli, imprenditur fil-kostruzzjoni tal-bini u President ta’ Hamrun Spartans. Sampdoria  qed jiċħdu b’mod kategoriku l-indiskreazzjonijiet imxandra minn sezzjoni tal-media Maltija li kienet qed tgħid li kien hemm kuntatti bejn il-klabb u l-imprenditur.”

L-istess sit elettorniku żied jgħid li hu vera li Portelli llu għal xi żmien juri interess li jixtri klabb Taljan fis-Serie B jew fis-Serie C, u jsemmu li fil-passat riċenti isem Portelli kien marbut mal-possibiltá li jsir il-propjetarju l-ġdid ta’ Catania jew Fermana.