Il-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop reġa’ tfaċċa fil-Qorti hekk kif l-aħwa Robert Agius u Adrian Agius magħrufa bħala ‘ta’ Maksar’ u Jamie Vella li Ġunju ġew ikkundannati f’ġuri qed jallegaw li l-fatt li ma xhedx George Degiorgio, l-eżekutur ewlieni, saret inġustizzja ġudizzjarja – “miscarriage of justice”.
Permezz tal-avukati tagħhom huma qegdħin jgħidu li għaldaqstant qegħdin iżommu lill-Avukat Ġenerali responsabbli għad-danni li seta’ kkawżalhom minħabba li l-ġurati ma semgħux verżjoni daqstant important ta’ persuna li kienet ammettiet l-akkużi. L-aħwa Agius u Jamie Vella kienu ntbgħatu għal għomorhom il-ħabs.
L-allegazzjoni dwar din l-inġustizzja saret hekk kif it-tliet irġiel ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Avukat Ġenerali fejn dawn kienu ilhom sa mis-sena 2021 għaddejjin proċeduri kriminali mixlijin b’diversi akkużi serji u li minħabba dan in-nuqqas qegħdin iwissu li se jikkawtelaw dak li huwa jedd tagħhom.
Huma qegdin jgħidu li jekk ma jingħatawx widen se jieħdu passi ulterjuri għax dan in-nuqqas li seħħ fil-ġuri kiser id-dritt fundamentali tagħhom. Aktar minn erba’ xhur ilu ġurija kienet sabet lil Robert Agius, ta’ 41 sena, u l-kollaboratur tiegħu Jamie Vella, ta’ 42 sena, ħatja ta’ kompliċità fl-assassinju ta’ karozza bomba tal-ġurnalista, billi pprovdew l-isplussiv ta’ grad militari li qatilha f’Ottubru tal-2017.
Vella nstab ukoll ħati, flimkien ma’ Adrian Agius, ta’ 46 sena, u George Degiorgio, ta’ 62 sena, tal-involviment fil-qtil ta’ Carmel Chircop, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar hekk kif kien dieħel f’garaxx f’Birkirkara f’Ottubru tal-2015.
Fil-ġuri Vella, li spara erba’ darbiet, u Degiorgio ġew misjuba ħatja ta’ qtil volontarju, filwaqt li Adrian Agius instab ħati ta’ kompliċità, billi kkummissjona l-qtil. Robert Agius ġie meħlus mill-akkużi relatati mal-qtil ta’ Chircop.
George Degiorgio u Jamie Vella kienu ġew misjuba ħatja tal-qtil volontarju ta’ Carmel Chircop, b’ verdett ta’ 7-2. Adrian Agius instab ħati ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Chircop 7-2, filwaqt li ħuh Robert Agius ġie meħlus minn dik l-akkuża 6-3. Degiorgio u Vella ġew ukoll ikkundannati 7-2 għall-pussess ta’ arma tan-nar waqt reat u li ġarrew arma mingħajr liċenzja valida.
Fir-rigward tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Robert Agius u Jamie Vella ġew misjuba ħatja 8-1 ta’ kompliċità fil-qtil tagħha, kompliċità fl-isplużjoni li kkawżat il-mewt tagħha u pussess ta’ splussivi perikolużi, dan permezz ta’ sentenza mogħtija fl-10 ta’ Ġunju, 2025.
Il-protest jgħid ukoll li mix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, tali akkużi nħarġu wara li wieħed mill-eżekuturi taż-żewġ omiċidji, Vincent Muscat – magħruf bħala “Il-Koħħu”, iddeċieda li jirrilaxxa stqarriji ġuramentati fir-rigward taż-żewġ omiċidji.
Il-protest ġudizzjarju jgħid ukoll li l-aħwa Agius u Jamie Vella kienu għamlu talba sabiex George Degiorgio jixhed fil-ġuri. Madankollu l-Avukat Ġenerali kienet opponiet li dan jixhed, bil-Qorti Kriminali tiddikjara lill-istess George Degiorgio bħala xhud inammissibbli u allura ċaħdet lill-akkużati milli jipproduċuh bħala xhud.
Wara l-verdett tal-ġurati tal-5 ta’ Ġunju, u s-sentenza mogħtija ħames t’ijiem wara li kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali, skont rapporti fil-media lokali, George Degiorgio xhed fl-atti tal-inkjesta dwar dak kollu li kien jaf.
Il-protest jgħid li l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir skont il-liġi li jressaq il-provi kollha disponibbli, kemm favur kif ukoll kontra l-persuna akkużata. Ingħad li għandu jiġi mfakkar illi l-għan ewlieni tal-ġustizzja, huwa t-tikxif tal-verità, u kull prova li tista’ twassal.
Għal dan l-għan it-tliet irġiel qalu li permezz ta’ rikors li sar quddiem il-Qorti tal-Appell huma qed jitolbu biex kull stqarrija ġuramentata li ġiet rilaxxata minn George Degiorgio fl-atti tal-inkjesta tinġieb a konjizzjoni tal-Qorti tal-Appell ħalli l-kwadru tal-provi jkun wieħed komplut u l-verità tkompli tinkixef.
Il-protest qed jgħid ukoll li minkejja dan kollu, l-Avukat Ġenerali qiegħda għal darba oħra toġġezzjona li tippermetti li x-xhieda ta’ George Degiorgio tinġieb a konjizzjoni tal-Qorti tal-Appell u għalhekk dan jirriżulta ampjament “miscarriage of justice”.
L-Avukati tat-tliet irġiel qalu fil-protest li ma jistgħux jifhmu r-raġuni għaliex l-AĠ qed tipprova topponi għal dan meta hi suppost qed tirrappreżenta l-interessi tal-Istat Malti, u qed twaqqaf milli toħroġ il-verita kollha, u kollox qed jibqa’ mistur, każ li dan huwa ksur tal-jeddijiet fundamentali tal-aħwa Agius u Jamie Vella, li l-każ tagħhom ġie u qed jiġi preġudikat b’mod serju. Il-protest ġie preżentat mill-Avukati Ishmael Psaila, Alfred Abela, Renè Darmanin, Nicholas Mifsud u Amadeus Cachia.
//= $special ?>

