Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-GTA bi tħejjija għall-Budget 2026
L-isfidi li l-Għawdxin iħabbtu wiċċhom magħhom, partikolarment fis-settur turistiku, kienu l-qofol ta’ diskussjoni li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) bi tħejjija għall-Budget 2026.
Matul il-laqgħa, l-uffiċjali tal-GTA ippreżentaw il-proposti tagħhom għall-budget, li ddiskutewhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa tiegħu, hu rrikonoxxa kif l-akbar intopp għall-Għawdxin hi l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, partikolarment minħabba li l-Gvern Laburista qatt ma investa fir-raba’ vapur diċenti tal-Gozo Channel, iżda għażel li jonfoq eluf ta’ ewro kuljum biex jikri vapur tat-tieni klassi.
Alex Borg qal li l-Għawdxin jixirqilhom aħjar minn hekk. Hu għalhekk li, grazzi għal fondi Ewropej, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-Gozo Channel ikollha flotta ġdida ta’ vapuri, li anke jħarsu l-ambjent.
Irrefera wkoll għall-ħidma li hemm bżonn issir għal estensjoni fis-servizzi tal-portijiet. Hawn spjega li jrid isir studju adegwat biex ikun stabbilit tistax issir estensjoni tal-portijiet taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr, inkella jsir it-tielet port.
L-istess dwar l-infrastruttura, fejn il-gżira ta’ Għawdex jixirqilha investiment xieraq, partikolarment f’dawk it-toroq li qatt ma saritilhom manutenzjoni u li allura, issa spiċċaw fi stat dekadenti. Fakkar kif it-toroq prinċipali fil-gżira saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti u għadhom jitgawdew sal-lum grazzi għax-xogħol serju li sar fuqhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota wkoll kif il-Gvern Laburista naqqas in-nefqa kapitali għal Għawdex bi kważi €5 miljun. Dan minkejja l-ħtieġa ta’ pjan olistiku li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum l-Għawdxin u dawk li jaqsmu l-fliegu għal raġunijiet ta’ xogħol jew ta’ mistrieħ.
Matul il-laqgħa, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco.
//= $special ?>

