Internazzjonali

L-UE:  Ma jgħaddix il-pjan għas-self  ta’ biljuni ta’ ewro lill-Ukrajna mill-assi tar-Russja

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fallew fil-pjan ambizzjuż li kellu jippermetti għas-self ta’ 140 biljun ewro lill-Ukrajna, permezz tal-assi ffriżati tal-Bank Ċentrali tar-Russja…. Pass li kellu jgħin aktar biex l-Ukreni jissodaw id-difiżi quddiem l-attakki tal-qawwiet Russi li ilhom għaddejjin għal aktar minn tlett snin u nofs.

Il-parti kbira tal-assi tar-Russi huma miżmumin mill-Euroclear – entità fi Brussell li, fost oħrajn, tipprovdi s-servizzi ta’ depożitorju.

L-akbar reżistenza għal dan il-finanzjament qawwi lill-Ukrajna, għalissa, ġejja mill-Belġju u meta l-Prim Ministru Belġjan, Bart De Wever, jinsab inkwetat dwar ir-ritaljazzjoni potenzjali jekk kemm-il darba r-Russja tinsisti biex tingħata l-assi lura, f’sitwazzjoni fejn ma jibqgħux effettivi s-sanzjonijiet tal-Punent imposti fuq il-Kremlin.

Bart De Wever insista li l-Belġju mgħandux  ikun ta’ ostaklu jekk il-pajjiżi kollha tal-UE jagħtu l-garanziji sodi li lesti biex jerfgħu il-piż ugwali tas-sogru finanzjarju relatat ma’ pass daqstant sinifikanti.

Għaldaqstant, wieħed jista’ ikollu jistenna fit-tul għal qbil komuni biex l-assi sovrani kollha tar-Russi miżmumin fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ewropa ikunu investiti fid-difiża tal-Ukrajna.

Il-Prim Ministru Belġjan, wara summit fi Brussell li attendew għalih il-Mexxejja kollha tal-UE, fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax tobbliga lill-Istati membri biex jiffirmaw il-garanziji.

U wara t-taħditiet intensivi fit-tul, il-Mexxejja Ewropej xorta ma rnexxilhomx iserrħu ras De Wever – bl-Ungerija, li għandha s-simpatiji mar-Russja, tiċħad ċar u tond għall-inizjattiva relatata mal-assi ta’ Moska investiti fl-Ewropa.

Il-maġġoranza tal-Istati Ewropej jemmnu li l-uniku mod kif huma ma jħallsux għall-għajnuna – militari u materjali – lill-Ukrajna u b’li jutilizzaw dawn l-assi tar-Russi.

Iżda fl-aħħarnett, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet Ewropej qablu dwar stqarrija ferm anqas deċiżiva….Stqarrija li ħeġġet biex il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta mill-aktar fis lista ta’ għażliet li jappoġġjaw il-ħteġiet finanzjarji u militari tal-Ukrajna għall-2026 u l-2027. Dan wara li versjoni bikrija tal-konklużjonijiet mis-summit ħeġġet ‘il-proposti konkreti’ fl-aħjar interessi tal-Ukrajna.

Min-naħa tagħha, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, xorta kellha kliem favorevoli għall-istqarrija li referiet għaliha bħala mandat…. Hi, fl-istess ħin, enfasizzat li s-suġġett tal-assi tar-Russi bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala ‘straight forward’ iżda bħala kunċett li jinvolvi diversi kumplikazzjonijiet.

L-osservaturi fi Brussell jaqblu li fadal diversi punti relatati mal-pjan li jridu jkunu ċarati u meta l-Ewropa trid tfassal l-aħjar direzzjoni politika biex, kemm jista’ ikun, tqarreb it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.