Lokali Qorti

Mhux ħati li kkawża ħruq f’impjant tal-WasteServ minħabba nuqqas ta’ provi

Il-Qorti tal-Magistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Edwin Camilleri ta’ 53 sena residenti l-Għargħur minn akkużi li jumejn qabel il-Milied ta’ sentejn ilu kkawża ħruq jew ħsara fid-dannu tal-WasteServ f’Baħar Ċagħaq, limiti tan-Naxxar. Din il-ħsara allegatament qabżet il-€50,000.

Xehed fil-każ Richard Bilocca, Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, li spjega li ġie mitlub jikkwantifika l-ħsara li seħħet meta trakk scammel daħal fil-faċilità waqt li kien hemm nar. Huwa qal li ra l-filmati tas-CCTV li nġabru immedjatament wara l-inċident u ngħataw lill-Pulizija.

Bilocca qal li l-ħruq ikkawża ħsarat sostanzjali u li saru stimi mit-tim intern tal-WasteServ li ammontaw għal €53,764.32, iżda ammetta li l-istima ma saritx minnu personalment u ma kienx jista’ jikkonfermaha formalment minħabba li n-numri ġew minn membri oħra tat-tim.

Ix-xhud Luke Bianco, impjegat mal-WasteServ, qal li hu kien responsabbli biex jipprovdi lill-Pulizija l-footage tas-CCTV relatat mal-inċident. Huwa kkonferma li l-filmati jkopru bejn 09:11 u 09:20 ta’ filgħodu tat-23 ta’ Diċembru 2023, u li dawn ingħataw personalment lill-Ispettur Jason Mallia fuq pendrive.

Ix-xhud Marouska Galea, operatriċi tal-weighbridge, qalet li dakinhar kienet fil-post u kienet inkarigata li tiżen it-trakkijiet li jidħlu. Qalet li Edward Camilleri kien is-sewwieq tat-trakk li daħal dakinnhar, li ġie biex jarmi materjal riċiklabbli.

Hija daħħlitu fis-sistema u indikat lill-imputat fl-awla bħala l-persuna li rat. Madankollu, ammettiet li ma ratx personalment il-mument meta dan rema l-materjal, u li mill-pożizzjoni tagħha ma setgħetx tara dak li seħħ eżatt fil-post tat-tniżżil.

Dylan Bonello Briffa, inġinier tal-WasteServ, spjega li hu kien involut fil-kompilazzjoni tar-rapport dwar l-inċident, inkluż stima tat-telf fil-materjal u tal-ħsarat. Huwa qal li kien preżenti fuq il-post wara li n-nar kien diġà beda u li kien ikkalkula t-tunnellaġġ tal-materjal mitluf, iżda ammetta li r-rati u l-valuri finali ġew ikkalkulati minn uffiċjali oħra tal-kumpanija.

Ix-xhud Alistair Bezzina kkonferma li huwa s-sid tat-trakk Scammel, iżda dakinhar ma kienx qed isuq hu. Huwa qal li s-sewwieq kien proprju Edwin Camilleri, u dan ġie kkonfermat ukoll permezz tal-identifikazzjoni fl-awla. It-trakk jopera taħt il-kumpanija tiegħu Bezzina Ltd. u jkun imqabbad jiġbor jew iġorr materjal riċiklabbli skont il-ġurnata.

Fl-aħħar, l-Ispettur Joseph Mallia spjega li wara li rċieva rapport dwar nar fil-Magħtab fil-23 ta’ Diċembru 2023, mar fuq il-post fejn sab lil tal-Protezzjoni Ċivili diġà qed jintervjenu. Huwa ra filmati li wrew vettura li daħlet bejn 09:30 u 10:00 a.m., u identifikaha bħala l-istess vettura.

Mallia qal li, fuq bażi ta’ informazzjoni minn Marouska Galea, irriżulta li s-sewwieq kien l-imputat Edwin Camilleri. Madankollu, ammetta li ma setax jara b’mod ċar in-numru tal-pjanċa mill-filmati. Il-Qorti, wara li analizzat il-provi kollha prodotti, osservat li l-livell ta’ prova ma jilħaqx dak rikjest mil-liġi kriminali, jiġifieri prova barra minn kull dubju raġonevoli.

Il-filmati tal-CCTV ma jurux b’mod dirett lill-imputat bħala l-persuna li kkawża l-ħsara jew il-ħruq, u lanqas ma ġie ppreżentat tracker tal-vettura biex jikkorrobora l-moviment tagħha.

Għaldaqstant, il-Qorti, wara li kkunsidrat l-Artikolu 328(d) tal-Kap. 9, sabet lil Edwin Camilleri mhux ħati tal-akkuża miġjuba kontrih u illiberatu minn kull ħtija u piena.