Paul Bonello
Direttur Maniġerjali
Finco Treasury Management Limited
Xi bonds diġà għalqu u l-bond holders ma kellhomx għażla ħlief li jaċċettaw li jitħallsu aktar tard, filwaqt li jibqgħu fingers crossed li eventwalment jitħallsu.
Din is-sitwazzjoni xejn feliċi ilha ġejja, u d-diffikultajiet preżenti mhumiex sorpriża.
Tabilħaqq din is-sitwazzjoni setgħet tiġi evitata billi r-Regolatur u l-Awtoritajiet Finanzjarji ħasbu għaliha u mhux ikun jimpurtahom l-aktar mill-kwantità ta’ bonds fuq il-Borża.
Wiisq fatalista l-attitudni tal-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, meta fit-Times of Malta tat-28 ta’ Settembru, bħal qata’ qiesu li jista’ jagħmel xi ħaġa u sempliċiment qal li l-fatt li jfallu xi bonds hu inevitabbli.
Lanqas hi spjegazzjoni raġonevoli dak li qal stockbroker ieħor fl-istess artiklu li fis-sens li jfallu l-bonds hu riżultat ta’ kemm kiber is-suq tal-bonds lokali!
Sfortunatament is-suq lokali tal-Borża kien ta’ attrazzjoni għal diversi kumpaniji li ppreferew jissellfu permezz tal-bonds milli jissellfu mill-banek kummerċjali u dan għax jirnexxilhom joħorġu b’kundizzjonijiet aħjar.
Ta’ spiss bonds li jagħlqu qed jitħallsu lura sempliċiment billi joħorġu bonds ġodda; sitwazzjoni ta’ dejn ġdid iħallas dak qadim.
Kellna anke ħafna sitwazzjonijiet fejn il-bond jissejjaħ “secured” iżda mbagħad is-sigurtà tiġi konkluża b’mod ferm inferjuri minn kif tittieħed meta jsellfu l-banek.
Dan kollu kien possibbli għaliex fis-suq hemm ħafna investituri, pensjonanti u anzjani, li jfittxu l-imgħax fuq it-tifdil tagħhom biex ikampaw aħjar fil-ħajja.
Il-banek m’għadhomx iħallsu imgħaxijiet
Il-banek m’għadhomx iħallsu prattikament l-ebda imgħax u allura dawn l-investituri żgħar ikollhom ġenn biex isibu okkażjoni ta’ xi bond b’rata tal-imgħax tajba biex jinvestu fiha.
Għalihom l-aktar ħaġa importanti hija l-kupun, jiġifieri r-rata tal-imgħax. Dan hu żbaljat għax huwa każ ta’ min jaħseb li dak li jleqq ikun deheb meta x’aktarx tkun żebgħa tal-porporina.
Hi wkoll ta’ sfortuna li matul il-proċess ta’ vetting tal-applikazzjonijiet għal bonds ġodda li tirċievi l-MFSA, dak li joħroġ il-bond, imsejjaħ l-issuer, ikun megħjun minn armata ta’ avukati, accountants, awdituri u stockbrokers, jekk mhux ukoll xi kelma tajba minn xi politiku influwenti, li lkoll jagħmlu pressjoni fuq l-MFSA biex tapprova l-ħruġ ta’ bonds bl-aktar mod feliċi għalihom, u dan minflok ma joħorġu bl-aktar mod sigur għall-pubbliku.
Għall-investitur komuni, in-nies tat-triq, ma jkun hemm ħadd jitħaddet għalihom u jaqbeż għalihom fl-iffissar tal-kondizzjonijiet tal-bonds li jkunu ser joħorġu.
Is-Security Trustee, jekk ikun hemm wieħed, ma għandu l-ebda mandat jew poter jagħmel dan f’isem il-pubbliku konsumatur finanzjarju. Tabilħaqq jekk jazzarda jagħmel hekk l-issuer malajr isib Security Trustee ieħor li jkun aktar mans u li ma joħloqlux inkwiet.
Rizultat ta’ dan kollu hu r-riskju fil-bonds lokali mhux qed jitkejjel tajjeb u lanqas jiġi ipprezzat tajjeb. Uħud mill-bonds qegħdin jiffinanzjaw sitwazzjoni ta’ riskju, speċjalment riżultat ta’ gearing għoli (jiġifieri proporzjon għoli ħafna ta’ self meta ikkomparat mal-kapital li joħroġ l-issuer). U l-bondholders xorta jitħallsu bil-kupun tal-imgħax baxx minkejja li minn barra jista’ jidher attraenti.
Meta jkun hemm dak li jissejjaħ risk mispricing fis-suq, il-korrezzjoni xi darba ser isseħħ u meta sseħħ tista’ tkun theżżiża pjuttust b’saħħitha.
Għalhekk l-iskop ta’ din l-opinjoni hi biex l-awtur jagħmel numru ta’ proposti bl-iskop li jkun hemm titjib fl-istabbiltà fit-tul tas-swieq kapitali tagħna u l-bonds tagħna jkunu ta’ kwalità aħjar milli huma attwalment.
Hekk il-bonds ikunu jistgħu jagħtu aktar serħan il-moħħ lill-investituri tagħna… żgħar u kbar. M’għandux ikun hemm lok fuq il-Borża għal dawk li ppruvaw jissellfu mill-bank u ma rnexxielhomx. Fuq il-Borża għandu jkun hemm spazju biss għal issuers li jispiraw fiduċja b’balance sheet b’saħħitha u li jistgħu jikkompetu f’suq ħieles, kompetittiv u razzjonali.
F’turbulenza mhux ħażin. hemm diversi bonds li huma f’diffikultajiet u hemm dubju serju kemm uħud minnhom se jkunu jistgħu jħallsu lura mad-data tal-maturità tagħhom
L-Ewwel Proposta:
Biex bond ikun jista’ jissejjaħ “secured” għandu jissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet standard.
Meta n-nies komuni jisimgħu l-kelma “secured” huma jieħdu l-impressjoni li r-riskju ta’ falliment f’dan it-tip ta’ bonds huwa minimu. Għalhekk huwa importanti li għandu jkun hemm politika finanzjarja li permezz tagħha jiġi aċċertat li l-investitur ma jiġix imqarraq b’impressjonijiet foloz ta’ riskju baxx.
Tabilħaqq l-awtur jippreferi jara unsecured bond ta’ kumpanija b’balance sheet b’saħħitha u financials tajbin milli bond imsejjaħ secured iżda f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.
Ħafna mis-secured bonds jissejħu hekk għax ikollhom xi forma ta’ ipoteka fuq art jew bini. Għaldaqstant f’każ ta’ secured bonds, is-sigurtà għandha tittieħed billi tkun perfezzjonata għal livell li hu komparabbli ma’ kif tittieħed mill-banek kummercali.
Li ma napprofittawx irwieħna minn suq finanzjaru mhux sofistikat. Min kellu l-okkażjoni jieħu xi home loan mill-banek jafu kemm jissikkaw u jagħlqu toqob il-banek qabel ma jagħtu xi self ta’ xi ftit mijiet t’eluf, aħseb u ara kieku kellhom isellfu l-għexerien ta’ miljuni involuti fil-bonds.
Għalhekk għandha tkun kundizzjoni ewlenija li l-ipoteka għandha tkun dik speċjali u tkun dik li tissejjaħ first charge.
Għandha wkoll tittieħed ipoteka ġenerali biex ikun hemm protezzjoni adegwata fil-każ ta’ konkorrenza tal-kredituri f’likwidazzjoni ta’ kumpannija għal xi ammont tal-bonds li ma jkunx kopert bil-bejgħ tal-proprjetà li tkun serviet bħala sigurtà.
Kundizzjoni oħra għandha tkun li l-Prospectus għandu jipprojbixxi ipoteki oħra fuq l-istess proprjetà immobbli.
Bħalma għandu jkun hemm kondizzjoni li l-kumpannija li toħroġ il-bond trid tieħu ħsieb li tiftiehem mal-kuntratturi biex dawn jirrinunzjaw għad-dritt li jirreġistraw xi privileġġ speċjali fuq il-proprjetà għax jekk jiġri hekk il-bond holders isibu li l-kuntratturi jkunu inkiss inkiss daħlu qabilhom fir-ranking tal-kredituri fuq l-istess proprjeta’ li min għalihom qed ittihom is-sigurtà.
Il-proprjetà għandha tkun inxurjata tajjeb u tkun ippleġġjata favur is-Security Trustee.
Fuq kollox, il-valur tas-suq tal-proprjetà li ser tkun tagħmel tajjeb għall-bond għandu jkollha valur ta’ mqar 50% aktar mill-valur tal-bond.
Dan kuntrarju għal dak li qed jigri issa fejn il-valur tal-proprjetà li tkun ipotekata qed tkun tkopri biss il-valur tal-bond u sena imgħax.
Tabilħaqq li kieku l-proprjetà immobbli kellha tinbiegħ b’subbasta, din iġġib ferm u ferm anqas mill-valur tagħha f’ċirkostanzi normali, aħseb u ara kemm se ġġib inqas jekk il-valuations tal-proprjetà jkunu saru minn xi ditta ta’ periti “friendly” magħżula mill-issuer.
Kellna każijiet fil-passat riċenti fejn hekk imsejħa secured bond kellu s-sigurtà tiegħu tikkonsisti fi pleġġ ta’ ishma f’kumpanija privati, addirittura barra minn Malta.
Sigurtà bhal din mhux talli ma għandhiex tikkwalifika biex bond jissejjaħ secured imma għandha tiġi kkunsidrata b’mod negattiv għaliex id-diffikultajiet li l-bond holders jiltaqgħu magħhom biex jaqilbu l-ishma f’isimhom f’każ ta’ bżonn hu diffiċli immens, apparti li jkunu jinvolvu spejjeż legali enormi u fuq kollox il-bondholders se jkunu fi żvantaġġ kbir li jiġġestixxu huma stess in-negozju ta’ min ikun ħareġ il-bond.
It-Tieni Proposta:
Irid jiġi assigurat li l-użu tal-bond ikun preċiż dak li għalih ħareġ il-bond.
Ħafna huma dawk li semgħu stejjer ta’ kif flejjes tal-bond intuzaw għal skop differenti minn dak li għalih ikun oriġinarjament ħareġ għalih il-bond.
Għalhekk l-awtur jipproponi li għandu jkun obbligatorju li jiġi appuntat Security Trustee – anke f’ċirkostanzi fejn il-bond hu unsecured – biex hekk is-Security Trustee jkollu r-responsabbiltà legali li jagħmel il-ħlasijiet hu hekk kif ikun preskritt fil-Prospett.
Ma għandu jiġi permess l-ebda tibdil fl-użu tal-flejjes tal-bond fix-xhur u s-snin ta’ wara li dan joħroġ.
It–Tielet Proposta:
Għandhom jiġu pprojbiti bonds li ma jkunux listed fuq l-Istock Exchange.
Minn ftit tas-snin ilu bdiet dieħla d-drawwa li jinħarġu bonds fis-suq lokali li ma jkunux listed fuq l-Istock Exchange u hekk il-bonds ma jkunux jistgħu jibdlu l-idejn fuq l-Istock Exchange.
L-inċentiv għal min joħroġ il-bond f’każijet bħal dawn hu li jiffranka ħafna spejjeż involuti f’listed bonds. Bonds mhux illistjati jinvolvu wkoll anqas regolamentazzjoni. Għall-investituri ma hemm l-ebda vantaġġ; anzi żvantaġġi biss.
Tabilħaqq anke listed bonds isofru minn nuqqas ta’ likwidità fuq is-suq tagħna, jiġifieri ma hemmx numru suffiċjenti ta’ bejjiegħa u xerrejja li jiffaċilitaw ix-xiri u l-bejgħ tal-bonds u prezz aktar ġust bla diffikultà.
Fil-każ ta’ unlisted bonds, jekk wieħed ikollu bżonn ibiegħhom ma għandux triq oħra ħlief li jirrikorri għand l-istess kumpanija li ħarġithom.
Din mhux biss mhix obbligata tixtrihom lura minn għand l-investitur imma wkoll jekk isiblu bejgħ għalihom, il-prezz ikun iffissat mill-istess kumpanija u mhux minn mekkaniżmu indipendenti fuq is-suq.
Għalhekk l-awtur hu tal-fehma li l-MFSA bħala l-Awtorità kompetenti hawn Malta f’dan il-qasam, għandu jutilizza l-poteri mogħtija lilu taħt id-Direttivi u r-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea MiFID u MiFIR biex jipprojbixxi l-ħruġ ta’ unlisted bonds in kwantu dawn jiġu kkunsidrati bħala strument finanzjarju li hu ta’ detriment għal konsumatur finanzjaru Malti.

Ir-Raba’ Proposta:
Il-Prospects Market għandu jispiċċa.
Minn barra d-Diviżjoni Ewlenija tal-Malta Stock Exchange, jeżisti wkoll speċi tat-Tieni Diviżjoni tal-Borża msejjaħ Prospects Market.
Dan kien intiż għal bonds pjuttost żgħar u start up businesses. Il-proċess biex bond maħruġ fuq il-Prospects Market jingħata listing hu ħafna aktar faċli mill-bonds ordinarji u lanqas hemm il-bżonn ta’ pubblikazzjoni ta’ Prospett, iżda sempliċiment ta’ dak li jissejjaħ Admission Document.
Hemm numru ta’ bonds fuq il-Prospects li diġà kellhom l-inkwiet. Oħrajn dalwaqt ser jagħlqu u wħud minnhom hu magħruf li għandhom diffikultajiet.
L-awtur ta’ dan l-artiklu dejjem ra dawn il-bonds fuq id-Diviżjoni Prospects bħala li għandhom riskju eċċessiv u qatt ma ta parir lill-ebda klijent jidhol fihom.
Mal-medda taż-żmien din il-biża’ avverat u llum huwa konvint aktar minn qatt qabel li l-Prospects Market ma għandux jibqa’ miftuħ għal kandidati ġodda. L-awtur wisq jibża’ li dan is-suq aktar beda riżultat ta’ xi ego trip ta’ xi wħud milli għax vera seta’ jkun suċċess.
Il-Gvern jikkontrolla l-Borża bl-għażla tad-Diretturi tal-Kunsill tiegħu u fil-fehma tiegħi għandu jagħti policy direction lill-Kunsill f’dan is-sens.
Proposta Ħamsa:
Għandu jkun hemm transpożizzjoni sħiħa tad-Direttiva Ewropea msejħa BRRD II fejn għandu x’jaqsam ma’ bonds subordinati.
Fuq il-Borża lokali il-bonds subordinati huma komuni ħafna. Dawn jinħarġu mill-Banek u f’valuri kbar. Il-bonds subordinati jikkwalifikaw bħala tip ta’ kapital (u mhux passiv jew liabilities) u għalhekk inaqqas il-bżonn ta’ ħruġ ta’ ishma mill-banek biex jottemporaw mal-obbligi regolatorji għoljin ta’ kapital li għandhom il-banek.
Minn naħa l-oħra, l-investituri fil-bonds subordinati jassumu riskji ħafna u ħafna akbar minn bonds ordinarji. Dan għaliex jekk il-bank jiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji – ma hemmx bżonn li tkun sitwazzjoni ta’ falliment – dawn il-bonds subordinati jistgħu jiġu kkanċellati u mitlufa jew jinqalbu awtomatikament f’ishma.
Biex is-sitwazzjoni tkompli taggrava, tipikament meta joħorġu dawn it-tip ta’ bonds subordinati, l-akbar bejjiegħa ta’ dawn il-bonds subordinati jkunu l-istess banek li joħorġuhom u li jbigħuhom lill-istess klijenti tagħhom… proċess imsejjah “self-placement”.
Bonds subordinati jkollhom il-kupun ta’ imgħax ftit aktar għoli minn bonds ordinarji tal-istess banek. Għalhekk ħafna drabi, ir-regħba, kif ukoll l-illiteriżmu finanzjarju ta’ ħafna mill-pubbliku, iwassal biex ħafna investituri jidħlu għal rashom għal dan it-tip ta’ bond subordinat mingħajr l-iċken idea tar-riskju għoli li jkunu deħlin fih.
Barra minn Malta, tabilħaqq fuq l-istess xtut tal-Mediterran tagħna, ossia fl-Italja, Spanja u l-Portugall, kien hemm għexerien ta’ banek li ġarrbu diffikultajiet finanzjarji u fejn numru kbir ta’ investituri fil-bonds subordinati tagħhom, ħafna minnhom pensjonanti jew faddala żgħar, tilfu flushom.
Il-Monte dei Paschi di Siena
Wieħed minn dawn il-banek kien l-aktar bank antik tad-dinja, il-Monte dei Paschi di Siena. Bank ieħor li xi Maltin ġarrbu ħafna tbatija minn bonds subordinati tiegħu kien l-SNS Bank tal-Olanda.
Biex l-Unjoni Ewropea tilqa’ għal sitwazzjoni diffiċli bħal din, Direttiva tal-Unjoni Ewropea li daħlet fis-seħħ f’Jannar tal-2021, magħrufa bħala Artikolu 44a tal-BRRD II, daħħlet diversi salvagwardji fejn għandhom x’jaqsmu dawn il-bonds subordinati u oħrajn magħrufa bħala bailinable. Uħud minn dawn il-miżuri kienu mandatorji; oħra tħallew għal kull membru stat tal-Unjoni Ewropea biex jiddeċidi hu jekk jimplementawhomx jew le.
L-MFSA impliment il-bżonn ta’ Suitability Test għal kull xiri ta’ bond subordinat. Dan jevita l-abbuż ta’ istruzzjonijiet ta’ klijent simulati bħala taparsi Execution Only. Tajjeb.
Miżura oħra implimentata hija li s-sottoskrizzjoni minima għal bonds subordinati trid tkun €10,000. Dan jevita li min bilkemm għandu għaxja ta’ lejla ma jissugrax flusu b’dan il-mod. Tajjeb ukoll.
Iżda l-aktar salvagwardja importanti prevista mid-Direttiva Unjoni Ewropea ma ġietx implimentata. Din kienet il-miżura li wieħed ma setax jinvesti aktar minn għaxra fil-mija tal-patrimonju tiegħu (f’depożiti bankarji jew investimenti).
Hawn hekk l-MFSA, għal raġunijiet li taf hi biss, qagħdet lura milli tħares lill-konsumaturi finanzjarji tagħna li, ma hemmx dubju, u ngħid dan bla ebda offiża, isofru minn nuqqas ta’ sofistakazzjoni finanzjarja.
L-MFSA għandha bħala objettiv statutorju ewlieni dak li tħares u tipproteġi l-konsumatur Malti. Artikolu 4 tal-Att tal-MFSA ma jistax ikun aktar ċar.
L-MFSA trid tħares u tipproteġi lill-konsumatur finanzjarju anke minnu nnifsu u anke mir-regħba tiegħu. Speċjalment fejn il-bonds subordinati hawn Malta l-aktar li jiġu ppuxxjati huma fuq il-bankijiet tal-istess banek li joħorġuhom.
Hemm għalfejn noqogħdu nistennew il-kalamità qabel ma nieħdu l-azzjoni xierqa speċjalment issa li hawn Malta hawn numru sostanzjali ta’ banek żgħar bla ebda investment grade credit rating, inkluż il-prospettiv Credia Bank li ser jirrimpjazza l-bank ta’ kalibru globali HSBC?
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>

