Opinjoni

OPINJONI: Is-sieq l-oħra taż-żieda fil-popolazzjoni

Skont ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistka fl-10 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex fl-2024 kienet stmata għal 574,250. La darba ma’ din iċ-ċifra ngħoddu t-turisti li żaru pajjiżna s-sena l-oħra, il-popolazzjoni kienet l-inqas b’587,125 f’Diċembru u l-ogħla f’Awwissu b’654,951. It-turiżmu huwa fattur importanti fiż-żieda tal-popolazzjoni. Jiżdied l-iktar fit-tielet kwart tas-sena bejn Lulju u Settembru u l-inqas fl-ewwel kwart bejn Jannar u Marzu. Iż-żieda tat-turisti timpatta wkoll iżjed fuq l-infrastruttura, it-traffiku u l-parkeġġ, u fuq l-indafa pubblika peress li ħafna mit-turisti li qed iżuruna qed jagħżlu li joqogħdu f’appartamenti u ftit jagħtu każ tal-ġranet meta suppost joħorġu l-iskart u t-tip ta’ skart li għandu jitpoġġa fil-boroż barra l-bieb.

Joe M. Zahra

Mela qegħdin ngħidu li l-popolazzjoni uffiċjali ta’ pajjiżna fl-2024 varjat bejn 587,000 u 655,000. Żieda qawwija ħafna, li kif mistenni jkollha riperkussjonijiet mhux biss fuq kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ din il-kitba, fuq l-infrastruttura, it-traffiku l-parkeġġ u l-indafa iżda wkoll fuq il-mod li ngħixu aħna l-Maltin u l-Għawdxin.

It-turiżmu huwa settur mill-aktar important tal-ekonomija iżda bħal kull settur ieħor irid jiġi regolat. Jekk le, se joħloq sitwazzjoni negattiva kif il-poplu jħares lejn dan is-settur u se jispiċċa jhedded il-livell tal-għajxien tagħna għaliex jokkupa setturi li nqisuhom bħala tagħna.

Diġà minħabba t-turiżmu tal-massa ħafna appartamenti qed jinkrew għat-turisti u dan qed iwassal biex ikun hemm inqas ċans li jikru l-Maltin, u anki bi prezz iżjed għoli.

Iż-żieda fil-popolazzjoni sew mill-ħaddiema barranin u mit-turisti tal-massa ġabet fuq pajjiżna realtà ġdida li ma konniex preparati għaliha. Realtà ta’ żieda fil-popolazzjoni ta’ madwar 200,000 li ġiet fuqna fi ftit żmien. Realtà li qed tiklilna l-ispazi madwarna, l-ambjent u dak kollu li jgħinna ngħixu ħajja diċenti u trankwilla.

Iktar turisti minn Maltin

Hemm lokalitajiet fejn iż-żieda fil-popolazzjoni hija akbar minn bliet u rħula oħra. Pereżempju f’Awwissu tas-sena l-oħra, San Ġiljan kellu l-ogħla popolazzjoni ta’ turisti b’intensità turistika ta’ 126.4 jew 126 turist għal kull 100 resident. Dan m’hemmx dubju li joħloq impatt negattiv fuq ir-residenti li jsibu li s-servizzi li kien hemm għalihom issa qed jinqasmu ma’ popolazzjoni ta’ turisti anki akbar minn tagħhom!

Iż-żieda fil-popolazzjoni tibqa’ tħassib ewlieni tal-poplu Malti anki jekk illum jidher li l-poplu huwa aktar imħasseb mit-traffiku u l-parkeġġ! Problema li m’hemmx dubju hija waħda mill-problemi li joħorġu miż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni sew bħala riżultat ta’ ħaddiema barranin kif ukoll tat-turiżmu tal-massa.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Kunsilli Lokali jagħmlu eżerċizzju ta’ ‘carrying capacity’ fil-lokalitajiet tagħhom. Eżerċizzju li minnu joħroġ kull lokalità x’popolazzjoni tiflaħ. U popolazzjoni bħal dik li tkun tiflaħ xi tkun teħtieġ biex tikber mhux biss f’dik li hija infrastruttura, iżda wkoll ambjent li ma jifgax lin-nies li jkunu jgħixu fil-post.

Eżerċizzju bħal dan iwassal ukoll biex naraw kemm għandha tikber il-popolazzjoni. Kemm ħaddiema barranin inkunu nistgħu nġibu lejn pajjiżna u f’liema setturi. Kemm  għandu jkun in-numru ta’ turisti li jiġu Malta. Jekk naqilbu għat-turiżmu tal-kwalità kemm se nnaqsu min-numru li qed iħalli impatt negattiv fuq il-popolazzjoni.

Problema li ħoloq dan il-Gvern

Iż-żieda fil-popolazzjoni hija problema li ħoloq il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana meta kien responsabbli għal Jobplus u għażel li jibni l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni permezz ta’ immigrazzjoni minn ħaddiema barranin. Hija wkoll riżultat ta’ turiżmu mibni fuq iż-żieda fin-numri b’għan wieħed, li l-Gvern juri rekords ta’ numri u mhux ta’ kwalità.

Dawn iż-żewġ fatturi flimkien, dawn iż-żewġ saqajn li fuqhom inbniet l-ekonomija ta’ pajjiżna ġabu ħerba fuq il-ħajja tal-Maltin li tilfu l-mod kif kienu jgħixu. Li qed jitilfu l-paċenzja f’ħinijiet tat-traffiku u f’ħinijiet anki itwal biex jipparkjaw. Problemi fejn il-Maltin qed iħossuhom fgati fi djarhom u fl-ambjent li qed jgħixu. Sitwazzjoni li qed twassal għal żieda fil-każijiet ta’ saħħa mentali.

Il-Malti jgħid li l-flus mhux kollox. Il-flus importanti iżda fl-aħħar mill-aħħar is-saħħa, it-trankwillità, il-paċi u l-kwalità tal-ħajja huma aktar importanti jekk irridu ngħixu ħajja sana u feliċi.

Min bena pajjiżna fuq żieda fin-numri tal-ħaddiema barranin u t-turiżmu tal-massa ma jistax ikun is-soluzzjoni. Din irid isibha ħaddieħor. U dan il-ħaddieħor mhu ħadd għajr il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern immexxi minn Alex Borg.

Id-differenza bejn l-erba’ kwarti tas-sena bit-tielet kwart tas-sena, dak bejn Lulju u Settembru juri l-ogħla żieda u l-ewwel kwart, bejn Jannar u Marzu l-inqas żieda

Hawnhekk għandna ż-żidiet fl-aħħar tliet snin f’kull kwart tas-sena. Filwaqt li kull kwart wera żieda, t-tielet kwart jibqa’ juri l-iktar żieda. Jirriżulta li turisti fl-ewwel kwart qed jiżdiedu b’tali mod li qed jonqos il-perjodu ta’ nuqqas ta’ turisti fil-gżejjer Maltin

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 24  ta’ Ottubru, 2025.

.