Anġlu Farrugia
L-Ispeaker
tal-Kamra tad-Deputati
Il-pubblikazzjoni ‘Il Quddiem b’Dinjità’ toffrilna mument speċjali ta’ riflessjoni u ta’ djalogu dirett mal-poplu. Hu mument fejn irridu nħarsu lejn fejn wasalna, nistaqsu fejn irridu naslu, u fuq kollox kif nistgħu minn issa nagħmlu aktar sabiex kull wieħed u waħda minna, jgħix bi dritt, il-ħajja b’dinjità.
Minnufih irrid ngħid kelma ta’ rikonoxximent lid-Deputat Ivan Bartolo. Ivan, membru tal-Oppożizzjoni, imma fuq kollox huwa bniedem ta’ qalb kbira.
Qalb li ma tieqafx tħabbat, qalb li turi mħabba lejn il-batut u li tagħti faraġ lil min jinsab fil-bżonn. Hemm differenza kbira bejn politiku li jitkellem għal kalkoli politiċi tiegħu u politiku li jħoss tassew is-sofferenza tal-bniedem. U l-ħidma tiegħu tfakkarna li fil-politika għandu jkun hemm qabel kollox – umanità.
Imma ejjew nistaqsu lkoll flimkien: fejn qegħdin illum bħala pajjiż – fid-dinja tal-lum? Fejn ninsabu? Qed nibnu tassew futur ta’ tama u ta’ dinjità, jew aħjar, nistaqsi, qed tinbena dinja għalina u għal ta’ warajna, fejn mhux qed nintesew – hekk kif il-bniedem qed jiġi wara l-kejl tal-ekonomija ta’ kwalsiasi pajjiż?
Tfal li tilfu t-tfulija
Meta nħarsu madwarna, naraw it-tfal f’Gaża li jitilfu mhux biss id-djar tagħhom imma wkoll it-tfulija. Naraw familji fl-Ukrajna u fir-Russja maqsumin mill-gwerra. Naraw popli fl-Afrika jmutu bil-ġuħ minkejja l-għana tal-art tagħhom. Naraw is-Sirja, l-Afganistan u l-Jemen fejn il-paċi għadha ’l hinn mix-xewqa ta’ bosta.
Nemmen li diversi nterventi tal-lum, huma sejħiet urġenti biex nikkultivaw aktar solidarjetà u sens ta’ ġustizzja soċjali.
U fl-istess waqt, inħarsu lejn pajjiżna u nindunaw li għandna l-isfidi tagħna wkoll: il-faqar, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni li qed iħallu nies fil-ġenb, iż-żgħażagħ li jitilfu triqthom fid-drogi, fost ħwejjeġ oħra. Hemm ukoll l-isfida tar-reintegrazzjoni tal-priġunieri, u xi kultant ukoll l-anzjani tagħna li jħossuhom minsijin.
Ninsab ċert li hemm kelliema li ser jindirizzaw din il-plenarja dwar il-bżonn ta’ politika sostenibbli għall-anzjani, kura aħjar għaż-żgħażagħ vulnerabbli, u mudelli ġodda ta’ housing u akkomodazzjoni aktar ġusta.
Iżda għandna wkoll xi ħaġa li pajjiżi oħra jħarsu lejna b’għira: sistema soċjali li tagħti tarka lil min hu dgħajjef, pensjonijiet aktar ġusti, appoġġ kontinwu lill-familji u lill-anzjani. U fuq kollox, għandna servizz tas-saħħa b’xejn – rigal kbir ta’ ġustizzja soċjali.
Hawn irrid nistaqsi mistoqsija ċara: ma għandniex inkunu kburin li f’Malta, anke jekk ma jkollokx flus, xorta tibqa’ tiġi kkurat? Din hi xi ħaġa li f’pajjiżi kbar bħal l-Istati Uniti ma teżistix – hemmhekk jekk m’għandekx mezzi finanzjarji – insurance – titħalla tmut. Dan hu l-kuntrast qawwi bejn soċjetà li tqiegħed il-flus l-ewwel u soċjetà li tqiegħed id-dinjità tal-bniedem l-ewwel.
Il-bniedem fiċ-ċentru
Papa Franġisku jfakkarna: “The dignity of each human person and the pursuit of the common good are concerns which ought to shape all economic policy.” Din hi wkoll il-missjoni tagħna: kull politika, kull liġi, kull miżura għandha tqiegħed – kif dejjem għandu jkun – il-bniedem fiċ-ċentru.
Illum, taħt it-tema ‘’Il Quddiem b’Dinjità’, se nisimgħu vuċijiet fuq il-faqar, ix-xogħol, id-drogi, il-prostituzzjoni, il-priġunerija u r-reintegrazzjoni, id-drittijiet tal-anzjani, il-pensjonijiet u l-akkomodazzjoni soċjali. Dawn mhumiex biss titli jew temi fuq karta – huma stejjer ta’ ħajja ta’ nies li jgħixu magħna, fil-komunitajiet tagħna.
Imma ejjew inkunu ċari: ma nistgħux nindirizzaw biss is-sintomi; irridu nħarsu lejn il-kawża proprja li twassal għal dawn is-sintomi.
Id-droga hi l-ikbar kawża li tmexxi ħafna mill-problemi soċjali tagħna. Hi l-għerq tal-faqar, tal-prostituzzjoni, tal-esklużjoni. Hija l-ħolqa l-aktar dgħajfa li meta tinkiser, tkisser magħha l-katina kollha tas-soċjetà.
Wieħed irid jagħraf li l-agħar hu l-użu tad-droga li jsir anke meta m’hemmx fondi disponibbli – nies jispiċċaw jissellfu, jitilfu xogħolhom, jisfruttaw lill-familji tagħhom biex jikkonsmaw id-droga. Minn hemm jitwieldu l-faqar, il-problemi fil-familja, it-telf ta’ dar u l-prostituzzjoni bħala mezz ta’ sopravivenza.
Dan hu punt li se jerġa’ jidwi f’diskorsi wara l-messaġġ tiegħi, fejn se jiġi enfasizzat kif droga u esklużjoni huma ċ-ċirku li rridu nkissru permezz ta’ edukazzjoni, prevenzjoni u reintegrazzjoni.
U hawn irridu nistaqsu: l-isforzi kbar tal-awtoritajiet, bħall-Pulizija, biex jinqabdu l-pushers, kemm idumu biex jagħtu frott jekk imbagħad fil-qrati, dawn, jiġu difiżi b’ħila kbira? Xi drabi jinħass li l-investiment kollu fl-infurzar jispiċċa fix-xejn, għax is-sistema legali tintuża minn min għandu l-mezzi. Dan mhux biss iħalli sens ta’ frustrazzjoni, imma jnaqqas ukoll il-fiduċja taċ-ċittadini li din il-ġlieda tista’ tintrebaħ.
‘Niġġieldu l-prostituzzjoni
Il-prostituzzjoni wkoll irridu nħarsu lejha mhux biss bħala għażla individwali, iżda bħala sintomu ta’ problemi oħra. Ħafna drabi hi konsegwenza tal-faqar u tad-droga, u għalhekk irid jiġi mifhum x’inhu l-għerq u mhux biss nieqfu ma dak li naraw.
Gandhi kien qal: “The true measure of any society can be found in how it treats its most vulnerable members.” U għalhekk, il-mistoqsija hi waħda: ser nibqgħu soċjetà li titkellem fuq id-dinjità, jew ser inkunu soċjetà li tgħix id-dinjità? Jiena nemmen li Malta għandha l-potenzjal issir eżempju għal pajjiżi oħra – pajjiż li juri kif komunità żgħira tista’ toħloq mudell soċjali ta’ solidarjetà u rispett lejn il-bniedem.
‘Il quddiem b’dinjità mhix ħolma. Hi dmir u sfida. U flimkien, bħala poplu wieħed, b’vuċi waħda u b’kuraġġ li nindirizzaw mhux biss il-mard imma wkoll il-kawżi tiegħu, nistgħu nagħmluha realtà.
L-interventi li se nisimgħu llum huma parti minn dan il-proċess: se jġibu magħhom ideat u esperjenzi li flimkien jistgħu jagħtu direzzjoni. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-istorja tagħna titlob minna kuraġġ u fedeltà lejn valur wieħed – id-dinjità tal-bniedem.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>

