F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Robert Abela numru ta’ għaqdiet u individwi li jaħdmu favur il-benesseri tal-annimali għamlu pressjoni sabiex il-Kummissarju għall-Benesseri tal-Annimali jkun indipendenti.
Il-firmatarji esprimew il-persplessitá tagħhom għad-deċiżjoni li Alison Bezzina ma ġietx maħtura mill-ġdid bħala Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annamli, minħabba l-kunsens pubbliku ċar li hi wettqet dmirijietha b’distinzjoni u wara li elevat l-irwol għal livelli ġodda.
L-għaqdiet, spjegaw illi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Benesseri tal-Annimali għandu jkun ħieles minn kull forma ta’ ħatra jew influwenza politika.
Dan minħabba l-fatt li Kummissarju li jrid jiskrutinizza l-prestazzjoni tal-istat ma jistax jopera b’mod effettiv jekk il-pożizzjoni tiegħu tiddependi direttament minn Ministru li jista’ jkun suġġett tal-iskrutinju li jagħmel il-Kummissarju stess.
Huwa propju għalhekk illi huma sejjħu sabiex il-Kummissarju jkun maħtur mill-Parlament u mhux mill-Ministru. Dan il-proċess ta’ ħatra huwa mqabbel ma’ dak ta’ karigi ta’ superviżjoni indipendenti oħra, bħal dak tal-Ombudsman.
Ħatra parlamentari tneħħi kemm il-perċezzjoni kif ukoll ir-realtà ta’ kunflitti ta’ interess, u tagħti lill-Kummissarju l-libertà li jitkellem bla biża’ u mingħajr dewmien, speċjalment f’każijiet li jinvolvu lill-istess ministeru li mod ieħor kien ikun l-awtorità li ħatru, skont l-ittra.
Il-firmatarji huma; Vuċi għall-Annimali, Angel 4 Paws, Animal Alliance, Animal Liberation Malta, Association for Abandoned Animals, Carers for Stray and abandoned Felines, Fostering and Homing Paws, Francesca Falzon, Gozo SPCA, Help Us Help, Our Rescues Foundation, Paws for Cause, Real Animal Rights Foundation, RMJ, Second Chance Horse Rescue, The Island Sanctuary, Tomasina Sanctuary
//= $special ?>

