Lokali

“Se nibqgħu nkunu ta’ appoġġ għas-sajjieda tagħna”

“Il-Partit Nazzjonalista se nkunu qed nagħtu l-appoġġ kollu tagħna lis-sajjieda, anke mill-aspett Ewropew. Fejn se jiġi assigurat illi s-sajjieda jieħdu l-massimu ħalli jkomplu jaħdmu bl-aktar mod komdu”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wara li l-Ġimgħa filgħodu kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u anke l-Għaqda Sajjieda Attivi fejn qasmu miegħu d-diffikultajiet tagħhom f’dan is-settur, u l-għajnuna li huma jeħtieġu.

Is-sajjieda li kienu preżenti għal dawn il-laqgħat tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar kif huma ma jħossux li matul is-snin irċivew l-għajnuna sabiex jilħqu ma’ pajjiżi oħra f’dan is-settur. Fejn spjegaw ukoll illi hemm numru ta’ perċezzjonijiet ħżiena, fosthom fejn jidħol is-sajd għat-tonn.

Net News tkellem ma’ rappreżentanti ta’ dawn iż-żewġ għaqdiet illi spjegawlna li żjara bħal ma hi dik tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkun tfisser ħafna. Hu kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Toni Bezzina.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Koperattiva Nazzjonali għas-Sajd, Salvu Ellul spjega illi permezz ta’ laqgħa bħal din is-sajjieda jingħataw l-opportunità li jitkellmu dwar il-karba tas-sajjieda.

Il-President tal-Għaqda Sajjieda Attivi Jonathan Ellul spjega lil din il-kamra tal-aħbarijiet li s-sajjieda kulma jridu aktar għajnuna sabiex l-għejxien tagħhom ikun wieħed ta’ suċċess.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg spjega li dawn il-laqgħat saru propju ftit jiem wara li ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-sajd fi Brussell.