Lokali

Tiftaħ il-Konferenza Laburista fl-isfond ta’ aktar leaks… u riżenji

Riżenja ta’ uffiċjal għoli li nżammet mistura minn kulħadd. Lanqas id-delegati Laburisti ma kienu jafu. Fuq kollox, ir-riżenja ta’ Jeniffer Tabone mill-għaqda Nisa Laburisti tikkonferma li tal-Labour spiċċaw iduru għal xulxin – u li Neville Gafà, u l-klikka estremista tal-Partit Laburista ħadet it-tmexxija f’idejha.

Sal-Ħamis filgħaxija, eżatt qabel bdiet il-Konferenza tal-Partit Laburista, lanqas id-delegati ma ġew infurmati li Tabone kienet irriżenjat min-Nisa Laburisti.

Intant, id-Delegat Spejċali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista Jason Micallef ma lissinx kelma waħda dwar il-mod u l-fatti li waslu sabiex Jennifer Tabone, wiċċ familjari ħafna fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kellha tirriżenja minn Segretarju Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti. Dan wara li l-Mexxej Laburista Robert Abela naqas milli jikkundanna lil Neville Gafà u saħansitra qabbel id-diskors ta’ Gafà… li Tabone għandha lsielna tal-velenu… bħala “libertà tal-espressjoni”.

Bosta skantaw kif Jason Micallef żamm sieket meta huwa magħruf kemm jiddiletta jikteb fuq Facebook – madanakollu għażel li din id-darba ma joħroġx għonqu għal waħda minn tal-qalba – fatt li jikkonferma l-qasma li hemm fi ħdan il-Labour, u kemm fil-verità Robert Abela qed jitlef il-kontroll ta kollox għaliex spiċċa maqbud.