L-aħbar li tnejn minn kull tliet negozji żgħar u medji (66%) f’Malta u Għawdex jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina tkompli tikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – li pajjiżna jinħtieġ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq il-kwalità li jattira l-investiment.
Malta u l-ekonomija tagħha għandhom bżonn bidla fid-direzzjoni li jista’ jagħtiha biss il-Partit Nazzjonalista. Min ħoloq il-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni.
L-stħarriġ li għamlet il-Kamra tal-SMEs b’kollaborazzjoni mal-MISCO għat-tielet kwart tal-2025 jelenka wkoll ir-raġunijiet li għalihom – skont is-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji – pajjiżna miexi fid-direzzjoni l-ħażina. U dawn jinkludu (f’din l-ordni) in-nuqqas ta’ ppjanar u l-problemi fl-infrastruttura, in-nuqqas ta’ tmexxija u direzzjoni politika, ir-regolamentazzjoni fi ħdan il-gvern, il-pressjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, preokkupazzjoni soċjali u marbuta ma’ governanza, u r-responsabbiltà ambjentali.
Juri wkoll li 79% tas-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji jew mhumiex ċerti, inkella jemmnu li mhux għaqli li wieħed jinvesti matul it-tnax-il xahar li ġejjin. Waqt li aktar minn nofs l-SMEs (54%) huma inċerti, 25% wieġbu li mhumiex lesti jinvestu, b’21% biss jgħidu li jaraw dan iż-żmien bħala opportun biex jinvestu.
L-SME Barometer ippubblikat ilbieraħ għal darba oħra jikkonferma dak li ilu jsostni l-PN – il-ħtieġa li Malta tieħu direzzjoni ekonomika differenti li taspira fiduċja u ottimiżmu fis-sidien tan-negozji u fl-investituri Maltin u barranin.
Fl-istħarriġ, l-istess SMEs kienu mistoqsija x’inhuma l-iktar temi urġenti li għandhom ikunu indirizzati mill-Gvern u semmew iż-żieda fil-popolazzjoni (36%), in-nuqqas ta’ governanza tajba (31%), il-korruzzjoni (26%), il-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja (23%), u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja (22%).
Mistoqsija dwar dak li l-aktar li qed jeffettwa ħażin in-negozju tagħhom, is-sidien wieġbu li apparti n-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta u l-kompetizzjoni eċċessiva, il-kriżi tat-traffiku u l-għoli tal-ħajja wkoll qed jeffettwawhom ħażin.
L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti biex il-Gvern jindirizza dawn l-isfidi u ressqet numru ta’ proposti biex il-poplu Malti ma jibqax iħabbat wiċċu ma’ problemi u sfidi li ġab dan il-Gvern stess minħabba nuqqas ta’ viżjoni u stil ta’ politika maħsuba biss biex dawk ta’ ġewwa jimlew bwiethom.
Il-poplu Malti jrid il-bidla u dan l-aħħar stħarriġ tal-Malta Chamber of SMEs jikkonferma dan.
Huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti tama ġdida u serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi, u lis-sidien tan-negozji f’pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar.
//= $special ?>

