Lokali

“Fil-paniku li għandu, Robert Abela jikkonferma storja ta’ NET News” – PN

Fil-paniku li qabdu Robert Abela dalgħodu wara li NET News u l-media indipendenti ħarġu diversi stejjer li jikkonfermaw leaks mill-Partit Laburista, il-Labour ħareġ stqarrija li tikkonferma l-istorja ta’ NET News li ltaqa’ l-Grupp Parlamentari Laburista. 

L-istqarrija li evidentement inkitbet ta’ malajr tiċħad affarijiet li qatt ma ntqalu min NET News filwaqt li tikkonferma l-istorja li ltaqgħu l-Grupp Parlamentari u l-Kabinett Laburista, waqt li mkien ma tinnega li ddiskutew l-abbozzi ta’ liġijiet relatati mal-ippjanar.

Fil-fixla tal-paniku għaliex jaf li membri tal-Grupp Parlamentari Laburista qed jgħaddu huma stess l-informazzjoni lil NET News, Robert Abela ddikjara li se jkun qed jieħu passi legali kontra NET News.

Il-Partit Nazzjonalista jisfida lill-Prim Ministru biex jibda dawn il-proċeduri kemm jista’ jkun malajr u li jitlob biex jinstemgħu b’urġenza, ħalli l-poplu jkun jaf il-verità kollha.