Lokali

Id-deputat mexxej tal-Partit Laburista għadu ma kellimx lil Jennifer Tabone

Matul intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq Campus FM, l-Ewro Parlamentari u deputat mexxej tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, iddikjara li sal-lum … jiem wara r-riżeja ta’ Jennifer Tabone mill-irwol li kienet tokkupa bħala Segretarja Eżekuttiva tan-Nisa Laburisti, għadu ma’ kellimhiex.

F’kummenti li tat Tabone, hija qalet pubblikament li rriżenjat wara li l-uffiċjal fl-OPM Neville Gafà għajjarha b’ilsien offensiv, aġir li sa issa għadu ma ġiex ikkundanat pubblikament mill-Prim Ministru Robert Abela.

Tabone saħqet li ma tistax tibqa’ tagħti sostenn lill-Partit Laburista, peress li ċertu individwi qed jiddettaw l-aġenda tiegħu. Iżda minkejja dan, Alex Agius Saliba prova jiddistakka ruħu minn individwi li huma parti mis-sistema tiegħu stess.

Fl-istess intervista, Alex Agius Saliba kkummenta dwar il-fjuri u x-xemgħat li jitpoġġew fil-Belt bħala tifkira tal-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.. u  sejħilhom “xenati” filwaqt li insista li issa dawn il-ġesti qed isiru “b’pika”, aktar milli bħala ġieħ lejn il-memorja tagħha.

Meta mistoqsi dwar Keith Schmebri, l-eks chief of staff ta’ Joseph Muscat, magħruf għall-iskandli ta’ korruzzjoni u tixħim, id-deputat mexxej tal-Partit Laburista ammetta li Schembri għadu jżomm kuntatt mal-Prim Ministru Robert Abela u anke jagħtih pariri f’forma ta’ suġġerimenti.