Lokali

“Il-Gvern għandu jispjega għalfejn Alison Bezzina tkeċċiet” – PN

Persuni f’karigi bħal dawn għandhom jitħallew jaħdmu, mingħajr l-ebda ndħil politiku, mhux iħossuhom mhedda għax qed jagħmlu xogħolhom

Il-Partit Nazzjonalista jinnota t-tkeċċija ta’ Alison Bezzina minn Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali u jappella lill-Gvern biex jispjega verament għalfejn ma ġġeddidx il-kuntratt tagħha.

Sostniet dan fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali, Janice Abela Chetcuti, fi stqarrija fejn qalet li huwa inaċċettabbli l-mod kif Alison Bezzina kienet infurmata li l-kuntratt tagħha ma kienx se jiġi mġedded, ġimgħa biss qabel skada, u mingħajr ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni.

Janice Abela Chetcuti kompliet tgħid li filwaqt li jappella lill-Gvern biex jiddikjara ċar u tond x’wassal għat-tneħħija tagħha, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen bis-sħiħ li kull individwu f’kull rwol li jista’ jkollu għandu dejjem jitħalla jaħdem liberament, mingħajr ebda ndħil, speċjalment dak politiku.

Żgur li qatt mhuwa aċċettabbli li ħaddiem fi kwalunkwe kariga jew rwol iħossu mhedded li jekk jagħmel xogħlu sew, dan jista’ jintuża kontrih u saħansitra jispiċċa jiġi mkeċċi għax qeda dmiru. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-meritokrazija u allura li kwalunkwe rwol għandu jingħata biss lil min verament jistħoqqlu, u mhux abbażi ta’ kwalunkwe ħaġa oħra.

Fid-dawl ta’ dan, il-PN jaqbel mal-proposta li qed issir biex din il-pożizzjoni verament tkun waħda indipendenti. Naqblu li min jokkupa kariga bħal din għandu jwieġeb lill-Parlament, u mhux direttament lill-Ministru, biex ikun żgurat li l-Kummissarju tkun tista’ taħdem b’aktar awtonomija, lil hinn minn kull indħil politiku.

Filwaqt li nesprimu solidarjetà ma’ Alison Bezzina, nirringrazzjawha tas-servizz li tat, u ma nistgħux ma nurux id-diżappunt tagħna għall-mod kif ġraw l-affarijiet, nawguraw lil Fleur Abela – il-Kummissarju l-ġdida li ġiet appuntata – u nawguraw ukoll li twettaq ħidma siewja f’dan is-settur.