Lokali

“llum rebħet il-verità” – tintemm l-investigazzjoni fuq Adrian Delia

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kkonferma li m’għadux qed jiġi investigat fuq allegazzjonijiet infondati ta’ ħasil tal-flus.

Adrian Delia kkonferma dan kollu f’filmat fuq il-midja soċjali. B’Delia jispjega li wara 7 snin iebsin ferm, b’dell mill-aktar ikrah fuq rasu, issa għandu konferma li l-investigazzjonijiet dwaru intemmu.

Uffiċjal għoli tal-pulizija mill-iskwadra li tinvestiga l-Kriminalità Finanzjarja,  f’ittra uffiċjal, avża lill-Membru Parlamentari tal-PN li l-investigazzjoni fuqu ġiet konkluża.

Adrian Delia fakkar ukoll f’ittra li hu kien bagħat  lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa f’Settembru 2022 – aktar minn tlett snin ilu – fejn fiha talab lill-Kummisarju jispjegalu jekk kienx hemm proċeduri pendenti kontra tiegħu jew saħansitra investigazzjoni.

Fil-filmat Delia spjega li din it-talba kienet mibgħuta sabiex tiġi kemm jista’ jkun tranġata l-“ħsara” li saret fuq r-reputazzjoni u karriera tiegħu.

Intant Adrian Delia esprima s-sodisfazzjon tiegħu u fakkar li qatt ma ġie investigat u li qatt ma ġie mistoqsi  mill-pulizija fir-rigward tal-allegazzjonijiet.

Adrian Delia fl-aħħar nett saħaq li huwa ċar li dawn l-allegazzjonijiet kienu bla bażi u qal li l-verità fl-aħħar ħarġet fil-beraħ.

Apparti min hekk filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu minħabba l-ħsara li saret fejn tidħol ir-reputazzjoni tiegħu, hu madanakollu wiegħed, li kif dejjem  għamel, ser ikompli jaħdem ta’ kuljum għal poplu  Malti u Għawdxi.

Intant il-Kap tal-PN Alex Borg li dak li rajna llum dwar Adrian Delia jikkonferma li l-verità ma jħassarha ħadd.

B’Alex Borg jisħaq li l-akkużi kontrih ma kienu xejn għajr eżerċizzju fieragħ.

Fl-aħħar Net Alex Borg qal li jinsab ċert li b’Adrian fit-tim u fir-rwol importanti se jkompli jwettaq il-ħidma tiegħu mhux għalih imma bi mħabba lejn pajjiżu.