Lokali

Sammy Meilaq joħrog pubblikament jappoġġja l-protesta f’jum il-Budget

Eks Uffiċjal tal-General Workers’ Union Sammy Meilaq ħareġ favur il-protesta li se tkun qed issir nhar it-Tnejn kontra l-proposti tal-Gvern dwar l-ippjanar.

Il-protesta se tkun qed issir f’jum il-Budget u Meilaq qal li ċ-ċittadin jeħtiġilhom protezzjoni minn dawk li ħakmu l-industrija tal-kostruzzjoni u tenna li ċertament ir-riformi proposti mill-Gvern mhux se jkunu qed jagħmlu dan.

Ħu ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jarmi dawn il-proposti u minflokk jipproponi proposti li jipproteġu liċ-ċittadini. Hu sostna li l-iżvillupaturi ma jinteressahomx mis-saħħa u s-sigurta taċ-ċittadinu u prova ta’ dan hija lista ta’ drabi fejn waqgħu numru ta’ binjiet u tenna li dawn mhux sempliċiment inċidenti imma huma ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ liġijiet u nuqqas ta’ infurzar.

Mhux hekk biss iżda Sammy Meilaq sostna li jekk il-Prim Ministru Robert Abela jixtieq jagħmel xi ħaġa sew mela allura għandu jagħmel kompletament l-oppost ta’ dak li qed jipproponi. Dan filwaqt li żied jgħid li jekk il-Prim Ministru jibqa’ għaddej b’dawn il-proposti għalura jkun qed jagħmel żball storiku, li jħalli tebgħa fuq l-ekonomija, il-Partit Laburista u fuqu nnifsu.

Il-protesta ta’ Nhar it-Tnejn ‘ Ġustizzja għall-Artna’ se tkun it-tieni waħda bil-għan li dawn il-proposti jkunu irtirati.