Mill-inqas erba’ persuni nqatlu u 16-il persuna ndarbu wara li attakki ta’ missili u drones Russi laqtu diversi reġjuni tal-Ukrajna mill-Ġimgħa filgħaxija sas-Sibt filgħodu. Dan tħabbar minn uffiċjali Ukreni.
Fi Kyiv, żewġ persuni nqatlu u disgħa ndarbu meta missili ballistiċi laqtu l-kapitali fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. L-awtoritajiet lokali qalu li irmied minn missili interċettati kkawżaw nirien u għamlu ħsara lill-bini fil-qrib. Fuq Telegram, is-Sindku ta’ Kyiv, Vitali Klitschko kiteb, “Splużjonijiet fil-kapitali. Il-belt tinsab taħt attakk ballistiku.”
Fir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk, żewġ persuni oħra nqatlu u sebgħa ndarbu hekk kif missili għamlu ħsara lill-bini ta’ appartamenti, djar, ħwienet u vetturi. Il-Forza tal-Ajru tal-Ukrajna rrappurtat li r-Russja nediet disa’ missili u 62 drone, li minnhom id-difiżi tal-ajru tal-Ukrajna waqqgħu erba’ missili u 50 drone.
L-attakki ġew ftit wara li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy ħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jespandu s-sanzjonijiet fuq is-settur taż-żejt kollu tar-Russja u jfornu missili ta’ medda twila biex jgħinu lill-Ukrajna tirribatti lura.
Zelenskyy kien f’Londra għal taħditiet mal-mexxejja Ewropej li iktaqgħu fuq inizjattiva tal-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer. Il-laqgħa ffukat fuq it-tisħiħ tad-difiżi tal-Ukrajna u l-pressjoni fuq Moska biex terġa’ lura għat-taħditiet ta’ paċi. Il-mexxejja ddiskutew ukoll modi biex jipproteġu l-grilja tal-enerġija tal-Ukrajna mill-attakki Russi.


