Lokali

Abela jippersisti bl-attakki fost l-għajta tal-pożittività

Il-Ħadd filgħodu l-Mexxej Laburista Robert Abela kkonferma l-istorja ta’ Net News, ċioè li mhux fi ħsiebu jirtira l-liġijiet b’rabta mar-riforma tal-ippjanar iżda se jibqa’ għaddej bihom.

Dan hekk kif filwaqt li l-NGOs sal-Ħadd stess baqgħu jappellawlu biex jirtirahom – l-istess Robert Abela qed jgħid li għaddej bit-taħdidiet u konsultazzjonijiet mal-istess NGOs biex jemendahom u jibqa’ għaddej bl-abbozzi ta’ liġi 143 u 144.

Dan ifisser dak li ingħad mill-istqarrija tal-Partit Laburista u kif irrapportat fuq il-gazzetta Laburista Kullħadd ma hija xejn ħlief gidba fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista – għaliex ma jirrifletti xejn dak li ġie rrapportat fl-aħbar ta’ leak ieħor li kellu fi ħdanu Robert Abela.

Fejn mhux talli ma kinitx gidba, iżda konferma oħra li l-Mexxej Laburista ma jridx jirtira r-riforma fl-ippjanar.

Wara ġimgħa ta’ inkwiet fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, qalb leaks u riżenji minn ħdan il-Labour stess – Robert Abela ma lissen ebda kelma.

Tul il-jum tal-ġimgħais-Segretarja Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti Jennifer Tabone saħqet li ma tistax tibqa’ fi ħdan il-Partit Laburista għaliex ridett tissalvagwardja l-kuxjenza tagħha, għaliex ma tistax tibqa’ tagħti sostenn lil strateġija li fundamentalment ma taqbilx magħha u għaliex il-Partit Laburista ddeċieda li jħallu ċertu individwi jiddettawlu l-aġenda.

Għal darb’oħra, bħal ma għamel mal-midja indipendenti, Robert Abela ma ħariġx għonqu għal Tabone u agħar minn hekk lanqas biss lissen kelma dwar din l-aħbar.

Minflok huwa għażel li jattakka lill-Partit Nazzjonalista, lill-media tiegħu u lid-Deputati Nazzjonalisti.

Mill-għaqda u l-ħbiberija mal-avversarju li appella l-eks Ministru Laburista Franco Mercieca ftit tal-ħin qabel ma’ telfa fuq il-podium il-Mexxej Laburista…għall-iżufjettar u l-attakki negattivi tal-Prim Ministru.

Intant tul għeluq tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista – ġie kkonfermat li l-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, Mark Mallia, ħa ħsieb li jistieden lil uħud mill-mistiedna biex jindirizzaw din il-konferenza partiġjana – f’konferma li waslet minn fomm Franco Mercieca.

Finalment, il-Mexxej Laburista ma tkellimx dwar kif se jsolvi l-kriżi tat-traffiku, taż-żieda fil-popolazzjoni u tal-isfida tas-saħħa mentali li f’pajjiżna qed naraw żieda f’dak li għandu x’jaqsam ansjetà u dipressjoni.. bħal ma ntqal proprju tul dan l-istess għeluq tal-konferenza.