“Irtirawhom issa”
Kienet din l-għajta għal Ġustizzja għal Artna hekk kif Moviment Graffti l-Ħadd filgħodu ramaw kampijiet tat-tined b’rabta mal-protesta nazzjonali li se jkun qed iseħħ it-Tnejn quddiem il-Parlament.
Il-protesta nazzjonali li se ssir it-Tnejn hija b’rabta mal-abbożi fil-ligijiet tal-ippjanar li l-Gvern irid idaħħal, bl-NGOs jisħqu li se jixħtu s-setgħa kollha f’idejn l-iżviluppaturi.
L-għaqda Moviment Graffiti saħqet li fil-jiem li ġejjin huma se jibqgħu quddiem il-Parlament, sabiex il-Gvern iwaqqaf dawn l-abbożi tal-liġi milli jiġu implimentati.
Matul il-protesta li seħħet il-Ħadd, bi tħejjija proprju għal protesta tat-Tnejn, tkellmu diversi kelliema fosthom Andre Callus mill-għaqda tal-Moviment Graffiti, fejn saħaq kif il-Gvern irid jisma’ l-karba tal-poplu u kif huma mhux se jiġu njorati.
Callus żied ukoll li dawn l-abbożi se jneħħu l-protezzjoni taċ-ċittadini, u jagħtu awtorità assoluta lill-awtoritajiet.
Fil-protesta tat-Tnejn mistennija l-parteċipjazzjoni ta’ diversi għaqdiet non-governattivi, assoċjazzjonijiet residenzjali, għaqdiet tal-istudenti, u akkademiċi li se jieħdu sehem.


