Lokali

“L-aħbar li ma ġeddewx il-kuntratt kienet sorpriża” – Alison Bezzina

⁠”L-aħbar li dan il-kuntratt ma kienx se jiġi mġedded kienet sorpriża kbira, meta legalment reġa’ seta’ jiġġedded.”

Hekk kitbet fuq il-media soċjali Alison Bezzina, wara li fl-aħħar jiem tneħħiet bil-pulit mir-rwol ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. B’diversi attivisti jiddikjaraw li din il-mossa saret sempliċiment biex iqaċċtuha.

Fuq Facebook, Alison Bezzina preċiżat dak li ġara.

“Ir-rabja u l-frustrazzjoni tiegħi ma jinbtux minn sens ta’ dritt. Kif jidher ċar, il-kuntratt tiegħi kien wieħed differenti minn tas-soltu għal pożizzjoni bħal din – kien wieħed li kellu jiġġedded kull sena, imma mingħajr l-EBDA LIMITU fuq l-għadd ta’ estensjonijiet. Għaldaqstant, wara li l-ħidma tiegħi dejjem kienet rikonoxxuta, approvata u mfaħra, naturalment l-aħbar li dan il-kuntratt ma kienx se jiġi mġedded kienet sorpriża kbira, meta legalment reġa’ seta’ jiġġedded.”

Fil-kitba tagħha, hi qalet li lesta tibqa’ tagħti għajnuna anke lill-Kummissarju l-ġdid tal-annimali, Fleur Abela.

“Minkejja dan kollu, nagħżel li nibqa’ nittama. Għalkemm għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir, diġà rajt tibdil li qatt ma bsart li se narah iseħħ tul ħajti, u dan jagħtini t-tama li l-affarijiet jistgħu tassew iseħħu. Nixtieq nirringrazzja lil kull min appoġġjani matul dan iż-żmien, u matul din it-transizzjoni. Il-kliem, l-azzjonijiet u l-inkoraġġament tagħkom għenuni aktar milli tistgħu timmaġinaw. Issa wasal iż-żmien li naċċettaw ir-realta l-ġdida u nibqgħu naħdmu flimkien biex niżguraw li l-bidla tkompli sseħħ għall-annimali kollha li tant jiddependu fuqna.”