Ir-Russja qed iżżid l-offensiva fuq l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna bħala tattika tal-gwerra familjari mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022.
Din it-tattika hi intiża biex tiċħad lill-poplu Ukren mill-faċilitajiet li jiġġeneraw is-sħana matul ix-xitwa, bl-awtoritajiet tal-Ukrajna jsostnu li r-Russja, fl-aħħar ġimgħa biss, sparat ‘il fuq minn 1,500 drone u missila lejn diversi bliet prinċipali, fosthom il-kapitali Kiev.
L-aħħar fost dawn il-bumbardamenti seħħ matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd u fejn fil-mira, għal darb’oħra, kien hemm l-kwartieri ċentrali ta’ Kiev… Dan b’riżultat li nqatlu talanqas ħames ċivili b’40 jisfaw midruba.
Id-drones tar-Russi laqtu wkoll lil xi bini tar-residenti ‘high rise’, b’Vitaly Klitschko, l-eks champion dinji tal-boxing fil-kategorija heavyweight u llum is-Sindku ta’ Kiev, jikkonferma li numru ta’ tfal spiċċaw fost il-midruba.
Intant, inqatlu tlett membri tal-istess familja meta wieħed mid-drones laqat bini fid-distrett ta’ Desnianskyi lejn il-majjistral ta’ Kiev, u fejn anki rriżultaw numru sostanzjali ta’ midruba.
Fl-istess ħin, l-attakki tar-Russi ħallew ħsarat sinifikanti fi bnadi oħra ta’ Kiev, bl-iskwadri għall-emerġenza Ukreni jwieġbu għal diversi sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
Il-qawwiet tar-Russja, fil-preżent, qed jikkontrollaw madwar 20 fil-mija tat-territorju tal-Ukrajna, inkluża l-penisola tal-Krimea, li Moska kienet għaqqet mal-artijiet tagħha fl-2014.
Madankollu, l-Ukreni xorta qed jisparaw, b’suċċess, diversi drones lejn il-faċilitajiet taż-żejt tar-Russja kif ukoll lejn stallazzjonijiet oħrajn importanti għall-Gvern ta’ Putin.
Dan ukoll meta s-Sindku ta’ Moska, Sergei Sobyanin, fl-aħħar sigħat, qal li d-difiżi tiegħu għal kontra l-attakki mill-ajru rnexxilhom jeqirdu numru ta’ drones li kienu sparati lejn il-kapitali tar-Russja.
//= $special ?>

