L-inkwiet fost il-Ministri, u l-Partit Laburista dejjem qed ikompli jiżdied. U wara ġimgħa ta’ leaks u riżenja…issa kien imixx li l-paniku fi ħdan il-Partit Laburista jestendi saħansitra sal-qalba tal-Kabinett.
Skont sorsi mill-Gvern stess li tkellmu mal-MaltaToday, jidher illi l-proġett tal-metro ħoloq tensjoni kbira bejn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru tat-Trasport Chris Bonett.
Dan wara li Clyde Caruana bl-aktar mod apert iddikjara li pajjiżna jkun “royally screwed” jekk jinvesti f’metro. Biex imbgħad, Chris Bonett ressaq dan il-kumment quddiem il-Kabinett. Fejn iddikjara li Caruana wera nuqqas ta’ kolleġjalità bejn il-Gvern.
Skont dawn is-sorsi mill-qalba tal-Labour, jidher li Caruana lanqas biss għamel reazzjoni għal dak li qal Chris Bonett waqt il-Kabinett minkejja li dan tal-aħħar assuma li se jkun hemm xi tip ta’ risposta. Bil-MaltaToday tindika li kważi kważi ġie jaqa’ u jqum, u injorah.
Kien ftit tal-jiem ilu meta Clyde Caruana ma ddejjaq xejn jikkritika l-proposta mressqa mill-Prim Ministru stess – xi ħaġa li jidher li qed tkompli toħloq inkwiet bejn is-suppost Ministri kollegi.
Il-kumment ta’ Caruana huma totalment l-oppost tal-Prim Ministru u mexxej tiegħu Robert Abela. Bil-Prim Ministru reġa’ qajjem il-proposta tal-metro wara li l-Kap tal-PN Alex Borg appella sabiex ikun hemm qbil bejn iż-żewġ partiti fuq trasport tal-massa.
Kien propju fl-2021, meta l-Gvern ta’ Robert Abela ressaq il-quddiem proposta li tiswa aktar minn 6 biljun ewro għal sistema ta’ metro taħt l-art. U minkejja li b’ħafna pompi din kienet ippreżentata lejliet l-elezzjoni ġenerali 2022 – il-proposta ġiet minsija mill-Gvern stess. U kien biss wara li riċentament tkellem Alex Borg li Robert Abela dehrlu li jerġa’ jsemmiha.
Intant, anke l-gazzetta ‘Il-Mument’ tefgħet dawl fuq dan il-ġlied fil-Kabinett. U semmiet kif il-Gvern jidher li qiegħed f’paniku propju sigħat biss qabel it-tħabbira tal-Budget.
//= $special ?>

