Matul il-perjodu taż-żmien minn meta nbidlet il-liġi, l-għadd ta’ tfal li kienu fil-foster care u li ġew adottati mill-2022 sa Ġunju li għadda, ammonta għal 17.
Dawn kienu wieħed fl-2022, sebgħa fl-2023, tmienja fl-2014 u wieħed din is-sena sal-aħħar ta’ Ġunju – total ta 17-il adozzjoni.
Dan jirriżulta minn mistoqsoija parlamentar tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ lill-Ministru Michael Falzon.
Jirriżulta wkoll li bħalissa wieħed mill-Bordijiet għall-Ħarsien tal-Minuri għadu qed jorganizza laqgħat online permezz ta’ pjattaforma diġitali u dan għal diversi raġunijiet.
Is-sistema ta’ laqgħat online fija diversi vantaġġi għal min hu involut fil-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal, għax tippermetti lill-ġenituri naturali, foster carers, professjonisti minn diversi oqsma, u anke dawk li jgħixu jew jaħdmu barra minn Malta, biex jipparteċipaw fil-proċess mingħajr ma jkollhom għalfejn jitilfu xogħol jew jivvjaġġaw. Din il-flessibbiltà għenet ukoll lil ġenituri li jinsabu fil-faċilitajiet korrettivi, lil dawk bi sfidi ta’ saħħa, kif ukoll lil minuri li jippreferu teknoloġija fuq laqgħat wiċċ imb wiċċ.
F’kull każ il-Bord iżomm il-possibilità li jiltaqa’ personalment mal-minuri ġewwa iċ-Children’s House meta jkun meħtieġ, u dan biex jassigura li l-vuċi tat-tfal tinstema’ f’ambjent sigur u adattat għalihom. Dan il-proċess mhux biss żamm il-proċess aċċessibbli iżda saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ħadd ma jitħalla barra minħabba diffikultajiet loġistiċi jew amministrattivi.
F’kull każ il-protezzjoni tat-tfal tibqa’ fuq nett tal-prijoritajiet tal-Bord u dawk li ma għandhomx mezzi jew ħiliet teknoloġiċi biżżejjed, xorta waħda jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw u jgħidu tagħhom.
//= $special ?>

