Budget 2026 Lokali

Aktar miżuri għall-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol mixtieqa – Reazzjoni ta’ For.U.M. għall-Baġit 2026

Il-Forum Unions Maltin jinnota numru ta’ miżuri li ġew estiżi f’dan il-baġit. Dan kien possibbli biss grazzi għall-impjegati li jaħdmu b’dedikazzjoni u li qed jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ Malta. Il-miżuri jinkludu diskussjoni dwar titjib fil-leave tal-maternità, tal-ġenituri u tal-paternità, kif ukoll diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ pensjoni okkupazzjonali.

Il-baġit żied il-paga minima, żied l-allowance tat-tfal, żied il-bonus tat-twelid u l-adozzjoni, u żied il-pensjonijiet b’€10 fil-ġimgħa. Barra minn hekk, il-baġit naqqas it-taxxi għall-familji b’wild jew aktar u introduċa proposti dwar taħriġ u ċertifikazzjoni fl-Intelliġenza Artifiċjali (AI).

Il-Forum Unions Maltin ippreżenta sett ta’ proposti lill-Gvern, fosthom l-introduzzjoni ta’ ġimgħa ta’ 36 siegħa ta’ xogħol li twassal għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol għall-impjegati u l-familji tagħhom. Barra minn hekk, il-konfederazzjoni temmen li huwa ta’ importanza kbira li tingħata konsiderazzjoni xierqa lir-remote working, sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol u jitnaqqsu l-problemi serji tat-traffiku f’Malta.