Edukazzjoni Lokali

Budget 2026: Bżar fl-għajnejn biex iċajpar l-isfruttament – UPE

Il-UPE xejn ma hija impressjonata bil-budget. Kif mistenni dan huwa budget ta’ qabel elezzjoni fejn il-gvern qed jipprova jxerred ftit ċejċa biex itaffi l-imrar tal-ħaddiema u tal-pensjonanti. Madanakollu l-budget li ma juri ebda viżjoni u ħeġġa biex il-ħaddiema ma jkunux sfruttatati, ikollhom drittijiethom imħarsa, jirċievu ħlas xieraq u ma jiġux tartassati. 

Il-UPE spjegat li l-fatt jibqa’ li l-għalliema, il-KGE’s u l-LSE’s se jibqgħu mingħajr laptops ġodda. Se naraw tfal b’diżabbiltà mingħajr softwer adattat biex jintegraw fil-klassi u rizorsi ġodda oħra neċessarji li ilhom mistennija. Ma nstema’ xejn dwar iċ-ċentri tar-riżorsi, fejn il-Gvern ma semma xejn dwar jekk dawn l-iskejjel hux se jitneħħew gradwalment, jew jekk hux se jiġu trasferiti kompletament lis-settur privat.

Saħqu wkoll li għal darb’oħra m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar jekk l-iskejjel hux se jkunu mgħammra b’arja kkundizzjonata. Jidher ċar li se jkollna xitwa oħra fejn diversi skejjel se jibqgħu jegħrqu wara ftit xita, għax il-manutenzjoni trid issir fis-sajf, u mhux fix-xitwa.

Il-UPE ma tistax ma tosservax kif il-Gvern ta’ Robert Abela juża miżuri ta’ token hand outs imma ma jindirizzax il-qofol tal-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema u l-poplu. Il-budget  ma jgħid xejn dwar id-distruzzjoni ambjentali lampanti, l-over population u l-isfruttament ta’ ħaddiema barranin li jinġabu f’Malta biex iżommu l-pagi baxxi għal kulħadd. Iva, il-ħaddiema, il-pensjonanti u kategoriji vulnerabbli għandhom bżonn l-għajnuna, imma għajnuna li tindirizza l-kawża u mhux is-sintomi tal-problemi soċjo-ekonomiċi li jiffaċċjaw.

F’dan il-kuntest, il-UPE ma tiskantax illi l-gvern qed jagħmel minn kollox biex joħnoq il-liberta’ ta’ assoċjazzjoni u jipprova jagħlaq unions verament ħielsa u indipendenti bħall-UPE, bl-unjin tisħaq li huwa ċar illi r-raffika ta’ miżuri ripressivi bħal mandati ta’ inibizzjoni, theddid ta’ kawżi u intimidazzjoni ta’ uffiċjali u membri tal-union huma parti minn strateġija. Orkestrazzjoni sħiħa ta’ miżuri oppressivi intiżi biex jassiguraw monopolju lill-rubberstamp tradeunions. Mhux ta’ b’xejn li l-gvern irid isikket akkost ta’ kollox lill-unions ħielsa bħal UPE! Dan ix-xahar il-gvern għadu kemm tilef mandat ta’  inibizzjoni u kawża kostituzzjonali kontra l-UPE. Fl-istess nifs, l-istess gvern li tant jiftaħar bid-drittijiet ċivili qiegħed jhedded li ser jerġa’ jiftaħ kawża oħra kontra l-UPE! Ipokrezija grassa tipika ta’ mentalita’ totalitarja fit-tmexxija.

Il-UPE ser tibqa’ taħdem u tirsisti biex il-ħaddiema Maltin, b’mod speċjali l-edukaturi jkollhom rappreżentazzjoni trejdunjonistika b’saħħitha li ma tippermettix aktar abbużi, sfruttament u diskriminazzjoni Jekk verament il-gvern għandu għal qalbu d-drittijiet tal-ħaddiema għandu jkun huwa stess illi jagħti l-eżempju u jieqaf ixekkel id-dritt tal-ħaddiema li jkunu rappreżentati mill-union tal-għażla tagħhom.

L-UPE għalqet billi saħqet li Malta tkun verament l-ewwel fl-Ewropa fid-drittijiet ċivili meta l-gvern jieqaf jattakka d-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni ħielsa u minfok jistabbilixxi djalogu soċjali effettiv ma’ kulħadd. Il-gvern għandu jibda jippremja l-inizjattiva u l-parteċipazzjoni ċivili flok jipprova joħnoqhom u jikkontrollahom.

Bil-UPE tisħaq li meta d-demokrazija tispiċċa menù a la carte ifisser illi riesqa lejn dittatorjat. Il-budget ma jindirizza xejn minn dan.