Mara ta’ 60 sena, Erzsebet Kertesz, ta’ nazzjonalità Ungeriża, ġiet ikkundannata għal erba’ snin ħabs u mmultata €4,000 wara li ammettiet li importat 100 gramma eroina u 20 kilogramma ta’ sustanza li tintuża bħala “cutting agent.”
Il-każ beda meta Kertesz ġiet iċċekkjata mill-Pulizija u l-uffiċjali tal-customs fuq suspett li kienet qed iġġorr oġġetti illegali. Matul l-iskennjar tal-bagalja tagħha, instabu sustanzi organiċi suspettużi. Meta ġiet mistoqsija mill-awtoritajiet, il-mara ma tatx spjegazzjoni sodisfaċenti, u ġie deċiż li ssir tfittxija aktar dettaljata.
Fil-bagalja nstabu erba’ pakketti li kienu mmarkati bħala “semolina”, iżda li aktar tard irriżulta li kienu “cutting agent” – sustanza li tintuża biex tħallat id-droga. F’wieħed minn dawn il-pakketti, il-pulizija sabet kapsula li fiha kien hemm 100 gramma eroina.
L-akkużata ġiet mixlija b’konfoffa biex tittraffika droga, importazzjoni ta’ eroina, u pussess aggravata tad-droga, u matul is-seduta quddiem il-Qorti ammettiet il-ħtija. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ikkundannatha għal erba’ snin priġunerija u ordnat li tħallas multa ta’ €4,000 fi żmien sena, bil-konsegwenza li jekk tonqos milli tħallasha, tista’ tiżdied il-piena tal-ħabs. Il-Qorti wkoll ordnat id-distruzzjoni tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara, assistita mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca, filwaqt li għall-akkużata dehru l-avukati Noel Bianco u Adriano Spiteri.
//= $special ?>

