B’żewġ match days biss ‘il bogħod mit-tmiem tal-ewwel 11-il partita tal-Opening Round, id-disa’ ġurnata tal-Malta Premier ftit rat taqlib fil-klassifika, b’Floriana u Valletta, s’issa huma l-uniċi tnejn li b’mod matematiku aċċertaw minn post mal-ewwel sitta fit-tieni fażi tal-Opening Round.
Floriana u Valletta qed ikomplu juru li huma l-aktar żewġ timijiet konsistenti tal-Kampjonat s’issa, u jimmerithom post mat-Top Six tal-Opening Round. Floriana għelbu lil Birkirkara 2-0, b’gowl f’kull taqsima, filwaqt li l-Beltin mhux biss kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-Malta Premier, iżda l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Thane Micallef hija l-unika li ma tilfet ebda logħba f’dan il-Kampjonat.
Tabilħaqq li r-ritorn ta’ Valletta mal-kbar tal-futbol Malti ta konferma tax-xogħol kbir li sar mill-istaff tekniku ta’ Valletta, fl-akkwisti li għamlu matul is-sajf, partikolarment fl-għażla tal-barranin li ma tantx ħadu żmien biex jintegraw flimkien u ffurmaw skwadra komposta u b’saħħitha.

Floriana urew personalitá kbira għaliex mhux biss reġgħu rebħu għall-ħames logħba konsekuttiva iżda wrew kwalitajiet pożittivi meta lagħbu kontra Birkirkara, konxji mir-riżultat ta’ Valletta kontra Hibernians. Dan ifisser li l-greens kienu kapaċi jassorbu l-pressjoni kollha li seta’ kellhom u għalkemm l-Istripes tawhom sfida diffiċli, u li faċilment seta’ kien hemm riżultat bil-kontra, Floriana wrew dixxiplina u reżiljenza kbira biex finalment ħadu dak li riedu minn konfront dirett u diffiċli kontra Birkirkara.
Dawn tal-aħħar, bit-telfa ta’ nhar is-Sibt, Birkirkara ġarrbu l-ewwel telfa wara ħames partiti konsekuttivi li matulhom dejjem rebħu punt jew tlieta. B’żewġ match days mill-verdett ta’ min se jilgħab Top Six u Bottom Six fl-Opening Round, l-iskwadra ta’ Gianluca Festa qed tirriskja tassew li jekk ma tiksibx il-punti meħtieġa, fiż-żewġ partiti li jmisshom jilagħbu fil-Malta Premier, kontra Tarxien Rainbows u Ħamrun Spartans rispettivament.

Kollox jindikka li fl-aħħar żewġ match days, b’match day 10 tibda minn għada stess, se jkollna battalja sal-aħħar bejn ħames timijiet biex jevitaw is-seba’ post wara match day 11, u li jkun ifisser esklużjoni mit-Top Six fl-Opening Round tal-Malta Premier. Dawn il-ħames timijiet huma, Ħamrun Spartans, Sliema Wanderers, Hibernians, Marsaxlokk u Birkirkara.
Biex inkunu għadna kollox, Gżira United, li attwalment jinsabu fit-tmien post tal-klassifika, u rebħu l-aħħar żewġ partiti li lagħbu fil-Kampjonat kontra Mosta u Tarxien Rainbows rispettivament, matematikament għadhom biċ-ċans li jistgħu jagħmluha mat-Top Six, iżda l-loġika tgħidlek li hu diffiċli biex il-maroons jirnexxilhom jilħqu dan l-għan.



