Internazzjonali

Gaza: Ir-Re tal-Ġordan jitkellem kontra ‘l-infurzar’ tal-paċi mis-suldati internazzjonali

Un uomo palestinese di fronte a un edificio distrutto dagli attacchi aerei israeliani. (MARCO LONGARI/AFP/Getty Images)

Ir-Re Abdullah, tal-Ġordan, sostna li l-ebda pajjiż, , ‘il quddiem,  mhu se jkun irid li jinvolvi ruħu direttament fl-infurzar tal-paċi fil-Medda ta’ Gaza.

U Abdullah (ritratt), waqt intervista esklussiva lill-programm Panorama tal-BBC, qal li, fil-ġranet li ġejjin, il-pajjiżi li kapaċi jikkontribwixxu lejn qawwa għaz-zamma tal-paċi jkunu jridu jafu eżatt x’se jkun il-mandat tas-suldati tagħhom fl-artijiet ta’ Gaza.

Abdullah, li kien qed jitkellem dwar il-pjan tal-Istati Uniti għal Gaza, għamilha ċara li l-pajjiżi żgur li għandhom jiċħdu għal rwol fejn huma – permezz tas-suldati tagħhom — jkunu qed jużaw il-forza biex jikkontrollaw xi sitwazzjonijiet ta’ inkwiet jew tensjoni.

Ir-Re tal-Ġordan sostna li l-kunċett għaz-zamma tal-paċi jfisser li qawwa multinazzjonali tkun qed tgħin u tappoġġja lill-Pulizija lokali —  f’dan is-sens pulizija Palestinjani – li l-Ġordan u l-Eġittu huma lesti biex jagħtuhom it-taħriġ kollu neċessarju biex iħarsu s-sigurtà f’Gaza.

Dan it-taħriġ jeħtieġ iż-żmien u meta l-ebda pajjiż ma jrid li jibgħat is-suldati lejn Gaza biex jiddedikaw ruħhom għal ronda wara l-oħra fl-artijiet waqt li jkunu armati sa snienhom…..Sitwazzjoni li fiha nnfisha tkun qed tistieden l-inkwiet.

Il-kummenti tar-Re qed jirriflettu wkoll it-tħassib tal-Istati Uniti u pajjiżi oħra dwar il-possibbiltà li ‘huma wkoll’ jispiċċaw qalb ‘konflitt permanenti’ bejn it-terroristi tal-Ħamas u Iżrael — inkella bejn il-Ħamas u gruppi oħrajn tal-Palestinjani.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, l-infurzar tal-paċi jinvolvi ‘il-miżuri ta’ persważjoni’ li jibbażaw ukoll fuq il-forza militari. Dan meta z-zamma tal-paċi taħdem bil-kunsens tal-partijiet involuti f’konflitt u fejn it-truppi barranin jużaw biss il-forza bħala difiża u taħt il-kriterji tal-mandat tagħhom.

Taħt il-pjan tal-Istati Uniti għall-paċi f’Gaza, l-Istati Għarab u s-sieħba internazzjonali għandhom jimpenjaw ruħhom għall-‘qawwiet li jħarsu l-istabbilità’ …Qawwiet li jħarrġu u, fl-istess ħin, jipprovdu appoġġ lill-Pulizija Palestinjana f’Gaza. Mistenni li dawn il-pajjiżi anki jikkonsultaw mal-Ġordan u l-Eġittu li għandhom esperjenza estensiva f’dan il-qasam.

Fil-preżent, il-grupp Ħamas għadu determinat biex ma jikkonkludix proċess għal diżarm ( skont il-pjan) u meta lanqas ma jrid iċedi l-kontroll politiku f’Gaza.

Dan waqt li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, kultant, għadhom qed jattakkaw l-inħawi tal-Ħamas – u meta qed ikomplu l-movimenti tal-gruppi oħrajn ta’ Palestinjani armati fl-ibnadi ta’ Gaza taħt il-kontroll ta’ Iżrael.