Kummerċ Lokali

Il-BOV joffri s-servizz tal-assigurazzjoni ġenerali

Il-Bank of Valletta ħabbar li qed jespandi l-firxa ta’ prodotti u servizzi li joffri billi jimraħ fis-suq tal-assigurazzjoni ġenerali, permezz tad-distribuzzjoni ta’ wħud mill-prodotti ta’ Mapfre Middlesea Insurance.

B’dan il-pass, il-klijenti tal-BOV se jkollhom aċċess għal polza ta’ assigurazzjoni fuq djar, sew personali jew kummerċjali, assigurazzjoni fuq is-saħħa individwali, kif ukoll assigurazzjoni għall-ivjaġġar. B’hekk il-Bank se jkun qed isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala istituzzjoni li toffri soluzzjonijiet sew finanzjarji kif ukoll dawk marbuta mal-istil tal-ħajja. Prodotti tal-assigurazzjoni relatati mad-djar u djar kummerċjali, diġà qed jiġu offruti mill-fergħat tal-BOV, filwaqt li l-prodotti tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa u l-ivvjaġġar jidħlu fis-seħħ iktar tard din is-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia saħaq li: “Dan huwa tragward importanti għall-Bank, u pass ’il quddiem fl-istrateġija li twessa’ l-offerta tas-servizz tagħna għall-benefiċċju tal-klijenti, li jafdawna mhux biss bil-finanzi tagħhom, iżda wkoll bil-benesseri finanzjarji tagħhom fuq perjodu fit-tul. Dan huwa parti mill-viżjoni tagħna li nibqgħu iffukati fuq iċ-ċentriċità tal-klijent u li nkunu innovattivi f’xenarju finanzjarju li dejjem qed jevolvi. Bl-introduzzjoni ta’ prodotti tal-assigurazzjoni ġenerali, qed nestendu r-rwol tal-Bank li jkun parti mill-vjaġġ tul il-ħajja tal-klijenti tiegħu.”

Kenneth Farrugia kompla jgħid li: “L-introduzzjoni tas-servizz il-ġdid mill-Bank of Valletta, jirrappreżenta opportunità f’waqtha lill-klijenti biex jissalvagwardjaw dak li hu prezzjuż l-iktar għalihom. Biex wieħed jipproteġi l-assi tiegħu – mid-dar tal-familja tiegħu, għas-saħħa jew il-pjanijiet ambizzjużi tal-ivvjaġġar – issa huwa iżjed faċli u iktar aċċessibbli bl-għajnuna ta’ sieħeb finanzjarju bħall-Bank of Valletta. Bl-għażla ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni komprensiva, il-klijenti jkollhom moħħhom mistrieħ li meta jinqalgħu avvenimenti mhux mistennija, se jsibu min jigwidahom b’għarfien espert u b’appoġġ robust. Assigurazzjoni kif jixraq, tagħti s-setgħa lill-individwi u lill-familji biex jiffukaw fuq l-ambizzjonijiet tagħhom ta’ kuljum, kunfidenti li l-aktar investimenti importanti tagħhom huma protetti sew.”

Simon Azzopardi, Chief Personal & Wealth Officer fil-Bank of Valletta; żied jgħid: “Din hija estensjoni importanti mal-firxa tal-prodotti u s-servizzi tagħna. Qed inkomplu nespandu s-servizzi tagħna biex niżguraw li l-klijenti tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw minn firxa usa’ ta’ servizzi bl-aħjar mod possibbli. Għal dan il-għan, is-sħubija strateġika tagħna ma’ MAPFRE, permezz ta’ MAPFRE Middlesea Insurance, tippermettilna nestendu lill-klijenti tagħna l-għarfien espert globali tal-Grupp MAPFRE. Diġà għamilna dan b’suċċess fil-qasam tal-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja u se nkunu qed nistinkaw biex nirreplikaw dan, fis-servizzi ġenerali tal-assigurazzjoni,”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE Middlesea, Etienne Sciberras; stqarr li: “Dan huwa pass importanti li jkompli jsaħħaħ is-sħubija bejn MAPFRE u l-Bank of Valletta. Din il-kollaborazzjoni se twassal għal firxa aktar komprensiva ta’ servizzi għall-klijenti. Aktar importanti minn hekk, il-klijenti issa se jibbenefikaw minn soluzzjoni ta’ assigurazzjoni aktar personalizzata, li hija fundamentali għall-benesseri finanzjarju tal-individwu. Dan il-pass jenfasizza l-impenn tagħna li nipprovdu soluzzjonijiet imfassla apposta li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali tal-klijenti.”

Boris Curmi, Chief Officer Commercial fi ħdan MAPFRE Middlesea, qal li: “Din is-sħubija tirrappreżenta evoluzzjoni naturali tal-kollaborazzjoni b’suċċess tagħna mal-Bank of Valletta fl-ispazju tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Bl-estensjoni tal-offerta tagħna tal-assigurazzjoni ġenerali permezz tal-Bank, qed nibnu fuq pedament b’saħħtu biex nagħtu valur saħansitra akbar lill-klijenti. Aħna kburin li nappoġġaw lill-BOV biex joffri soluzzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-individwi biex jissalvagwardjaw dak li huwa l-aktar importanti għalihom, kemm jekk huma d-dar, is-saħħa, jew il-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom, b’fiduċja u b’serħan il-moħħ.”

Il-Bank of Valletta, jinsab ukoll fuq quddiem biex jippromwovi l-litteriżmu finanzjarju u fl-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-assigurazzjoni. Billi jgħin lill-klijenti jifhmu aħjar kif l-assigurazzjoni tissalvagwardja djarhom, is-saħħa u l-ivvjaġġar tagħhom, il-BOV mhux biss qed jindirizza l-ħtiġijiet individwali iżda qed jikkontribwixxi wkoll għall-espansjoni tas-suq ġenerali tal-assigurazzjoni, għall-benefiċċju tal-industrija kollha kemm hi.

Aktar informazzjoni dwar il-prodotti l-ġodda tal-assigurazzjoni li qed jiġu offruti mill-BOV, tista’ tinkiseb mill-eqreb fergħa tal-BOV jew permezz tas-sit www.bov.com.