Budget 2026 Lokali

“Il-flus jitqassmu, id-dejn jisplodi u l-problemi jibqgħu” – PN

Rekord ġdid ta’ dejn, li se jittrippla għal €14-il biljun taħt

Robert Abela

  • Żieda ta’ €4.66 għalik li fuqha se tibqa’ tħallas it-taxxa, €1,700 għalihom
  • Se tibqa’ teħel fit-traffiku, hekk kif tgħaddi ta’ Clyde Caruana fuq it-trasport tal-massa
  • Se tibqa’ tistenna fil-kju l-isptar u tixtri l-mediċini minn butek
  • Tnaqqis ta’ €100 miljun fin-nefqa kapitali hekk kif l-infrastruttura tkompli tikkrolla minħabba ż-żieda bla pjan fil-popolazzjoni

Dan huwa budget li jqassam il-flus, iżid id-dejn – li issa qed ikompli jisplodi għal rekord ġdid ta’ €14-il biljun – u jinsa l-problemi tiegħek, li jibqgħu hemm.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li l-Gvern ipprova jikkopja l-proposta tiegħu li titnaqqas it-taxxa għall-ġenituri bit-tfal taħt it-tmintax-il sena, imma anke hawn, iż-żieda lanqas biss tammonta għal nofs dak li ppropona l-PN. Dan filwaqt li ma tħabbar l-ebda tnaqqis ta’ taxxa għall-persuni single, koppji li t-tfal tagħhom kibru, koppji mingħajr tfal u l-pensjonanti li l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja jħossuhom daqs ħaddieħor.

Fuq ammissjoni tal-Ministru għall-Finanzi stess, id-dejn tal-pajjiż se jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin. Minn meta Robert Abela nħatar Prim Ministru kien diġà ħoloq dejn daqs il-Prim Ministri kollha ta’ qablu f’daqqa. Issa l-Ministru Clyde Caruana fil-budget qalilna li sal-2028 id-dejn se jkompli jiżdied minn 11-il biljun kif inhu llum għal rekord ġdid ta’ 14-il biljun ewro.

Dan ifisser li Robert Abela u Clyde Caruana se jkunu ttripplaw id-dejn. Ifisser ukoll li l-Maltin u l-Għawdxin se jkomplu jħallsu kważi miljun ewro f’interessi fuq id-dejn kuljum.

Waqt li lilek se jagħtik €4.66 u se tibqa’ tħallas it-taxxa fuqhom, min-naħa l-oħra l-Ministri f’dan il-budget se jkunu qed jieħdu żieda ta’ €1,700 fis-sena waqt li l-Gvern se jkun qed ikompli jżid il-piżijiet fuq is-settur turistiku billi se jittrippla l-ecotax.

Fl-istess ħin, dan il-budget huwa prova ċara li l-Gvern Laburista qata’ qalbu milli jsolvi l-problemi li ħoloq huwa stess.

Għada se tibqa’ teħel fit-traffiku u wara li għaddiet tal-Ministru Clyde Caruana, il-Gvern Laburista baqa’ ma ħabbar l-ebda pjan għal sistema ta’ trasport tal-massa.

Se tibqa’ wkoll tistenna sigħat twal l-isptar biex tinqeda, se tibqa’ tixtri l-mediċini minn butek, se tibqa’ tkompli tipprova tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, se tibqa’ tiffaċċja prezzijiet għoljin biex tixtri l-ewwel proprjetà, u se tibqa’ mingħajr LSE għat-tifel jew it-tifla tiegħek fl-iskejjel.

Fuq kollox il-Labour f’dan il-budget ma indirizzax is-sors ewlieni ta’ dawn il-problemi – it-tkabbir tal-popolazzjoni mingħajr ebda pjan. Kif ma indirizzax lanqas l-infrastruttura ta’ pajjiżna li qed tkompli tikkrolla. Mhux talli hekk, imma talli l-vot kapitali għall-proġetti f’pajjiżna naqas b’xejn inqas minn €100 miljun.

Fir-rigward ta’ Għawdex, issa f’dan il-budget għosfor għalkollox il-proġett tal-bini ta’ sptar ġdid. Ma jissemmew imkien lanqas il-vapuri l-ġodda u l-bini ta’ Qorti ġdid. Bl-istess mod għosfor ukoll l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali fuq livell nazzjonali. Il-budget ma jsemmi xejn lanqas dwar il-bini ta’ skejjel ġodda.

Dan huwa budget li jitfa’ l-flus imma ma joffrix soluzzjonijiet.

Il-flus jitqassmu…imma l-problemi jibqgħu!