Ekonomija b’saħħitha mhix biss numri fuq karta. Ekonomija li sejra tajjeb tfisser ħajja aħjar għan-nies. Tfisser ħajja ta’ kwalità għal kulħadd.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali ftit qabel jitressaq il-budget għas-sena d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li minkejja li s-slogan għall-Budget 2026 hu Ekonomija b’saħħitha, futur għal uliedna, fil-ħajja ta’ kuljum, ħafna Maltin u Għawdxin mhux iħossu l-effett ta’ din is-saħħa fl-ekonomija.
Hu fakkar li l-ħajja qed togħla kuljum. Il-pagi ma jlaħħqux u ħafna żgħażagħ ma jistgħux isiru sidien ta’ djarhom minkejja li jaħdmu qatigħ minn xogħol għall-ieħor.
Numru kbir ta’ familji qed jgħixu minn paga għal paga.
Alex Borg qal li jekk verament irridu futur għal uliedna, irridu nħaddmu ekonomija li taħdem għal kulħadd, li toħloq xogħol ta’ kwalità, u li tħares lejn is-sostenibbiltà, mhux lejn is-slogans.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Gvern jipprova jagħti x’jifhem li kollox sejjer tajjeb, fil-laqgħat tiegħu ta’ kuljum man-nies qed jara li l-vera sfida mhix li ngħidu kemm kibret l-ekonomija, imma kif dan it-tkabbir jilħaq lil kulħadd.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija li għandha qalb; ekonomija li tagħti dinjità, stabbiltà, u opportunità lil kull persuna u lil familja. Dan, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jkun l-għan aħħari ta’ min ifassal il-politika ta’ pajjiżna.
//= $special ?>

