Budget 2026 Lokali

Il-Kamra tal-SMEs tħeġġeġ lill-Gvern ikompli jindirizza l-kwistjonijiet imqajma min-negozji

Wara d-diskors tal-Budget, il-Kamra tal-SMEs tilqa’ l-Budget 2026 li se jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji jikbru u jibqgħu kompetittivi. Inizjattivi bħal titjib fl-Iskema Micro Invest, żieda fl-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u inċentivi biex jiġi investit fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) huma fost il-miżuri li se jgħinu lin-negozji jsaħħu u jespandu l-operat tagħhom.

Il-Kamra tal-SMEs tinnota li numru ta’ proposti tagħha ġew adottati mill-Gvern u tirrikonoxxi li, fil-preparazzjoni għal dan il-Budget, il-Gvern – b’mod partikolari l-Ministru tal-Finanzi – organizza diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-SMEs.

Il-proposti tal-Kamra tal-SMEs ġew żviluppati fuq il-bażi ta’ għarfien miksub permezz tal-SME Barometer trimestrali, li kontinwament jiġbor feedback minn negozji, kif ukoll minn sħubija u diskussjonijiet f’gruppi ta’ fokus immirati.

Il-Kamra tal-SMEs tħeġġeġ lill-Gvern ikompli jindirizza l-kwistjonijiet imqajma min-negozji permezz tal-SME Barometer tul l-aħħar xhur, fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta, il-governanza tajba u l-konġestjoni tat-traffiku.