Lokali

ILLEJLA: Protesta kontra l-abbozzi ta’ Robert Abela dwar l-ippjanar

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Ma nistgħux naċċettaw li l-Gvern jibqa’ jinjora l-karba tan-nies għal ġustizzja fl-ippjanar u fl-ambjent.”

Sostnew dan ma’ Net News l-attivisti preżenti barra l-Parlament propju fit-tieni jum tagħhom f’kampijiet li ġew armati f’din iz-zona.

Biex imbagħad, aktar tard se ssir il-protesta nazzjonali bit-tema “Ġustizzja għal Artna: Flimkien, Inwaqqfuhom!”  – protesta li se ssir fil-Belt Valletta biex l-għaqdiet iwasslu messaġġ b’saħħtu kontra l-abbozzi tal-liġi tal-ippjanar li l-Gvern irid idaħħal. Bl-NGOs qed jisħqu li dawn il-liġijiet se jixħtu s-setgħa kollha f’idejn l-iżviluppaturi.

Fil-protesta mistennija li jipparteċipaw diversi għaqdiet mhux-governattivi, assoċjazzjonijiet residenzjali, għaqdiet tal-istudenti, u akkademiċi.

Din il-protesta se tibda għall-ħabta tal-5:30 ta’ filgħaxija minn quddiem il-Qorti u tilħaq il-qofol tagħha barra l-bini tal-Parlament propju waqt id-diskors tal-Budget.