Lokali Qorti

Illiberat li kkawża offiża gravi bil-‘bowser’ tiegħu f’inċident ma’ mutur

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ħelset lil Frances Debono, ta’ 71 sena minn Ħal Kirkop, minn kull ħtija wara li kien akkużat li f’inċident li kellu bil-bowser tiegħu ma’ mutur huwa kkawża offiża gravi fuq mara minħabba traskuraġni u naqas li josserva l-liġijiet tat-traffiku.

Skont l-akkuża, l-inċident seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2024 għall-ħabta ta’ nofsinhar f’Triq Sant’ Antnin, Marsaskala, meta Debono kien qed isuq il-bowser, naqas milli jieqaf fejn kien hemm sinjal “Stop” u b’hekk ikkawża ħabta ma’ mutur misjuq minn Tiziana Scicluna, li sofriet ġrieħi gravi.

Il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll li l-imputat jiġi skwalifikat milli jżomm liċenzja tas-sewqan u li jitnaqqsulu l-punti skont ir-regolamenti tat-traffiku. Ix-xhud ewlenija, Tiziana Scicluna, irrakkontat li kienet qed issuq mutur ta’ tip Hornet 600 sejra lejn Marsaskala meta rat bowser wieqaf fuq is-“Stop sign”.

Hija qalet li, ftit sekondi wara, it-trakk beda joħroġ minn fuq l-istop u minkejja li pprovat tevitah, ħabtet fil-parti ta’ wara tal-vettura. Scicluna sostniet li kienet sofriet ksur f’subgħajha u ħadet madwar xahrejn biex tfiq, waqt li żiedet li l-viżibbilità kienet tajba u l-ebda vettura oħra ma kien hemm quddiemha.

Ix-xhud Jesmond Cutajar, li kien warajha fuq mutur ieħor, ikkonferma li ra t-trakk wieqaf fuq l-istop u mbagħad qabad u ħareġ. Madankollu, Cutajar ammetta li ma setax jgħid biċ-ċertezza jekk it-trakk kienx ħareġ kompletament fit-triq jew le, u li ma ra lil ħadd ieħor barra l-vittma dak il-ħin, għax l-attenzjoni tiegħu kienet fuqha wara l-impatt.

Il-Qorti osservat li l-provi preżentati mill-prosekuzzjoni ma kinux jissodisfaw il-livell rikjest fil-kamp kriminali, jiġifieri prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Barra minn hekk, innotat inkonsistenza fil-provi mediċi, peress li ċ-ċertifikat mediku jindika li l-vittma ġiet eżaminata fit-28 ta’ Ġunju 2024, filwaqt li t-taħrika tgħid li l-inċident seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2024.

Din id-diskrepanza, skont il-Qorti, tqajjem dubju sostanzjali dwar il-kronoloġija tal-każ. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kkonkludiet li l-imputazzjonijiet ma ġewx ippruvati sal-grad rikjest mil-liġi kriminali u għalhekk sabet lil Frances Debono mhux ħati ta’ kull akkuża miġjuba kontrih, u ħelsitu minn kull ħtija u piena.