Internazzjonali

Ir-Russja qed thedded mill-ġdid lill-Punent bin-nukleari

Ir-Russja mill-ġdid qed thedded lill-Ewropa u lill-Punent dwar il-possibbiltà ta’ konflitt wiesgħa fuq livell nukleari.

Dan fost il-messaġġi pjuttost iddisprati minn Moska li mhemmx limitu safejn jista’ jasal il-Gvern ta’ Vladimir Putin f’sitwazzjoni fejn il-Punent jipprovdi lill-Ukrajna bl-armamenti għal fuq distanzi twal….F’dan il-każ missili li kapaċi jolqtu l-qalba ta’ bliet ewlenin fir-Russja li jinkludu Moska, Rostov u San Pietruburgu.

Il-Kremlin, fl-istess ħin, għadu qed jirreżisti l-pressjoni mill-Punent biex jaqbel dwar waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna u meta għadha għaddejja l-gwerra fl-artijiet Ukreni li ilha minn Frar tal-2022.

Sadanittant, ir-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqet il-provi għal cruise-missile ġdida li kapaċi ġġorr il-warheads nukleari u li skont il-Kremlin kapaċi tevita kull sistema ta’ difiża sofistikata.

Fil-fatt, il-President Putin innifsu qal li din il-missila ġdida kapaċi tkun introdotta ‘dalwaqt’ bħala għażla għall-militar tiegħu.

Fil-preżent għaddejjin il-filmati ġodda ( maħruġin mill-Kremlin) dwar Putin liebes uniformi militari waqt li qed jingħata rapport dwar il-missila mingħand il-Ġeneral Valery Gerasimov; il-Kap tal-Istaff tal-Armata tar-Russja,

Qed jingħad li l-missila ġdida, waqt il-prova, damet fl-ajru għal ħmistax-il siegħa waqt li vvjaġġat għal distanza ta’ 14,000 kilometru.

Min-naħa tiegħu, Putin qal li  l-missila, tat-tip Burevestnik, hi ‘differenti minn kwalunkwe missila oħra fid-dinja’. Il-Mexxej Russu spjega wkoll li pajjiżu għandu jiddetermina l-użu potenzjali tal-missila waqt li jħejji l-infrastruttura għall-istazzjonar tal-Burevestnik fis-siti taħt il-kontroll tal-militar.

Xettiċiżmu dwar il-missila

Dan ukoll waqt li t-Tmexxija f’Moska qed twissi kontinwament lill-Istati Uniti u l-Alleati tagħha fin-NATO biex ‘taħt l-ebda ċirkustanzi’ ma jippermettu biex l-Ukreni jużaw ċertu kalibru ta’ armamenti biex jolqtu l-artijiet fiċ-ċentru tar-Russja.

Iżda minkejja l-ftaħir ta’ Putin, diversi esperti fil-Punent huma xettiċi dwar kemm din il-missila kapaċi tkun ‘game changer’ fil-gwerra tal-Ukrajna jew fir-rigward tas-sitwazzjoni fraġli li żviluppat bejn Moska u l-Ewropa. Fil-fatt, uħud mill-esperti qed jiddubitaw il-preċiżjojni tal-missila u kemm din, fil-fatt, tista’ tkun effettiva taħt il-kundizzjonijiet tal-gwerra.

Sadanittant, Vladimir Putin qed jinsisti li din il-cruise missile ‘għandha tkun invulnerabbli għad-difiżi tal-preżent u l-futur tal-Istati ostili għar-Russja’. Hu tkellem ukoll dwar id-distanzi ‘bla limitu’ ta’ din il-missila u l-fatt li l-pajjiżi fil-mira mhumiex se jirnexxilhom jissorveljaw il-movimenti tagħha fl-ajru.

Dan waqt li, fl-aħħar sigħat, aktar esperti dwar il-militar ikkummentaw li r-Russi xorta waħda għandhom isibuha diffiċli biex jikkontrollaw missila bħal din…Missila li anki qed timponi theddida serja għall-ambjent.