Budget 2026 Ekonomija Lokali

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hi ta’ €4.66

Għall-Gvern, dan hu l-aqwa Budget fl-istorja. Il-Prim Ministru wiegħed għajnuna massiva. Biż-żieda għall-għoli tal-ħajja, kif imħabbra mill-Ministru tal-Finanzi, tkun ta’ €4.66ċ – għajnuna li se tibqa’ tiġi intaxxata.

Waqt preżentazzjoni twila, il-Ministru Clyde Caruana wera biċ-ċar li l-Gvern mhux inkwetat bid-dejn ta’ aktar minn 11-il biljun li l-poplu jinsab mgħobbi bih. Bil-preżentazzjoni tal-Ministru stess tindika li d-dejn, fi żmien tliet snin, se jisplodi għal 14-il biljun. Dan filwaqt li l-Ministru infexx f’isteriżmu ta’ għajat u tisbit minn naħa tal-Gvern.

Lil hinn mit-tisbit, il-Budget ma jsemmi ebda investiment fl-Università jew fl-MCAST. Dan filwaqt libqajna mingħajr trasport tal-massa. Ebda referenza għal investiment f’Monte Carmeli. Ebda skola ġdida. Ebda data għall-isptar tal-annimali.

Il-Ministru semma’ kif is-sena d-dieħla se tiżdied ic-childrens allowance, filwaqt li l-income tax se tonqos għall-familji bi tfal. Ġenituri se jkollhom l-ewwel €14,500 ta’ dħul li mhux se jiġu intaxxati. Imbgħad, hemm familji b’żewġ ulied jew aktar li mhux se jħallsu taxxa jekk jaqilgħu sa €30,000 kull wieħed – iżda din se sseħħ tliet snin oħra.

Fuq kollox, il-Gvern naqas fejn tidħol l-isplużjoni tal-popolazzjoni u l-isfidi li din iġġib magħha. B’ebda miżuri konkreti.