Patrick Mangion ta’ 52 sena,mwieled Ħal Qormi u residenti l-Belt Valletta, beda għaddej ġuri quddiem il-Qorti Kriminali akkużat li sitt snin ilu wettaq ‘hold-up’ fuq anzjan ta’ 81 sena li kien għall-affari tiegħu fil-garaxx tiegħu ġewwa Ħal Luqa fejn insterqu €12,000 fi flus kontanti u iktar minn elf ewro f’muniti tad-deheb, li huwa kien iħobb iġemma u jinnegozja.
Il-każ seħħ fil-jum tal-Ħamis tal-31 ta’ Ottubru tal-2019. Minn dakinhar ‘l hawn il-vittma, Andrew Bondin, miet u għalhekk waqt il-kors tal-ġuri mistennija tinqara d-depożizzjoni tax-xhieda li kien ta waqt il-kumpilazzjoni tal-provi. L-akkużat għażel huwa stess li l-każ tiegħu jiġi deċiż minn ġurija, minkejja li seta’ jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati.
Din id-deċiżjoni tfisser li l-akkużat, li qed jiġi difiż mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, se jħalli f’idejn ġurati għall-verdett finali dwar jekk huwiex ħati jew innoċenti fuq l-akkużi serji li qed jiffaċċja Il-każ imur lura għal ġrajja li seħħet f’Ħal Luqa, meta raġel anzjan ta’ 81 sena allegatament ġie attakkat f’daru waqt is-serqa.
Skont il-Prosekuzzjoni, Mangion daħal fir-residenza tal-vittma u wettaq is-serqa valur ta’ madwar €13,000 fi flus kontanti flimkien ma’ muniti tad-deheb u oġġetti oħra ta’ valur. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li Mangion saq għall-quddiem il-garaxx tal-vittma Bondin b’karozza Mazda Demio.
Huwa beda jkellmu biex jaljenah u qallu li hu kien Għawdxi u li kien jixtri u jbigħ il-karozzi, u li kien interessat li jixtri l-karozza ta’ Bondin. Din il-konverżazzjoni kienet qiegħda ssir sabiex l-akkużat, idaħħlu iktar ‘il ġewwa fil-garaxx sabiex ikun jista’ jwettaq il-pjan tiegħu.
Fil-fatt meta kien ġewwa fil-garaxx, l-akkużat imbotta lil Bondin b’ċerta forza, tant li waqqgħu mal-art u kkaġunalu ġrieħi ħfief, u ħadlu l-kartiera bil-forza, u meta l-anzjan ipprova jqum, Mangion reġa’ mbuttah u waqqgħu.
Minkejja l-età, Bondin ipprova jirreżisti biex jieħu lura l-kartiera tiegħu, iżda ma rnexxilux. Fil-fatt kien hemm xi flus u muniti li waqgħu mal-art, u l-akkużat aċċerta ruħu li jiġbor sal-inqas waħda, qabel ma ħarab.
Huwa rnexxielu jitlaq bl-istess karozza li wasal biha fejn ħa valur ta’ €12,000 u sitt krugerrands (muniti tad-deheb) li skont il-valutazzjoni tagħhom kienu jiswew €1,239. Il-Pulizija rnexxielha ssolvi l-każ minn filmati tas-CCTV fejn ħareġ li Mangion kien qed isuq il-karozza.
Il-vittma, li kien waħdu fid-dar dak il-ħin, sostna li spiċċa wiċċ imb wiċċ mal-persuna li daħlet għandu. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li dan il-konfront ikkawża wkoll feriti ħfief lill-anzjan u ħalla impatt psikoloġiku fuqu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu għall-identifikazzjoni ta’ Patrick Mangion wara analiżi ta’ filmati tas-sigurtà. Permezz ta’ diversi ritratti li l-Pulizija wrew lill-vittma, dan ukoll kien għaraf lill-agressur tiegħu. Mangion qed jiġi mixli b’serq aggravat, li jfisser serq imwettaq b’ċirkostanzi aggravanti, bħal użu ta’ forza jew theddid, dħul f’residenza privata u l-fatt li s-serq sar minn persuna li kienet taf li l-vittma kienet anzjana u vulnerabbli.
Mangion, qed jiċħad l-akkużi kollha u permezz tal-avukati tiegħu sostna li l-provi kontra tiegħu huma ċirkostanzjali u ma jorbtuhx direttament mal-post tal-każ.
L-avukati mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali, Kaylie Bonett u Shelby Aquilina, qed itennu li l-provi juru mudell konsistenti ta’ mġiba kriminali u li l-elementi kollha tal-każ juru li l-akkużat kellu l-intenzjoni deliberata li jisraq u jagħmel ħsara.
Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
//= $special ?>

