Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Hibernians u Starlites kontra xulxin f’finali oħra

(Ritratt: Stephen Christoper Vella)

Colin Schembri

Hibernians………………………….90

Luxol Sherries Estates………..70

(21-15)(25-20)(15-20)(29-15)

Hibernians komplew il-mument pożittiv tagħhom fil-John Tabone Shield meta għelbu lil Luxol Sherries Estates 90-70 f’partita fejn kienu superjuri fiz-zona u fit-tranżizzjoni. It-tim ta’ Christian Narcisio skorja 68 punt fiz-zona u kien aktar preċiż fit-tiri ta’ żewġ punti (70% kontra 45%). Hibs ukoll sfruttaw il-veloċità tagħhom biex jiksbu 29 punt minn fast breaks u 22 punt minn turnovers. Luxol ippruvaw jerġgħu jidħlu fil-partita fit-tielet sessjoni, iżda Hibs wieġbu b’run ta’ 18-0 li żgurat ir-rebħa.

It-tim Pawlist żamm kontroll assolut sal-aħħar minuti u kompla jikkonferma l-forma tajba tiegħu f’dan l-istadju bikri tal-istaġun. Luxol għadhom mingħajr Vukassin Jandric u Stefan Cappello.

Bidu mill-aqwa tal-Pawlisti rahom imorru 11-4 minn fuq f’inqas minn 4 minuti bil-coach Duncan Fenech kostrett isejjaħ time-out. Huma kellhom fost l-oħrajn it-trippla minn Piotr Stelmach flimkien ma’ Ayo Ajiyobe. Luxol mal-ħin bdew jirkupraw grazzi għall-punti ta’ Jayden Johnson li wkoll kellu trippla. Lejn it-tmiem it-taqsima kien hemm il-punti minn Stelmach u Matthew Gouder flimkien ma’ trippla ta’ Ivan Demcesen għal Hibs li temmewha 21-15 minn fuq.

Fit-tieni perjodu assistejna għal bidu tajjeb tal-Pawlisti li reġgħu marru 8 minn fuq b’aktar punti minn Ajiyobe u Gouder. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet bi trippli minn Johnson u Burke Smith, però kontinwament kien hemm it-tweġiba ta’ Hibs kemm minn ġewwa kif ukoll bi trippli biex kabbru l-vantaġġ 39-25. Luxol ġabu 10 punti lura fosthom bi trippli ta’ Johnson u Miguel Brincat però kienu Hibs li temmew bl-aħjar mod hekk kif għamlu seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 46-35.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif il-punti komplew ġejjin regolarment. Ftit li xejn kien hemm x’jifred iż-żewġ attakki tant li Hibs b’mod konsistenti baqgħu fuq quddiem. Xuereb għamel trippla oħra għal Luxol però Elijah Simmons għalaq is-sessjoni favur Hibs fuq skor ta’ 61-55.

Wara li Azzopardi fetaħ b’basket għal Luxol fl-aħħar sessjoni, kien hemm sitt punti mingħajr risposta minn Hibs li marru 10 minn fuq u Duncan Fenech sejjaħ time-out kmieni biex iwaqqfilhom ir-run. Dan ma rnexxiex għax Hibs komplew b’sensiela ta’ baskets konsekuttivi minn Demcesen, Simmons u Johnson u fetħu vantaġġ ta’ 22 punt 79-57.

Finalment Luxol waqqfuhom b’basket ta’ Tomasi però l-vantaġġ tal-Hibs kien wisq għal Luxol biex irkuprawh hekk kif l-aħħar punti tagħhom permezz ta’ Tomasi u Brincat servew biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Hibs rebħu l-partita 90-70 biex saru l-ewwel finalisti tal-unur li rebħu wkoll l-istaġun li għadda.

Hibernians: N. Cassar, E. Simmons 16, A. Ajiyobe 24, L. Farrugia, P. Stelmach 8, V. Kustudija, M. Gouder 9, D. Jackson 18, M. Attard, T. Gjurovski, I. Demcesen 13, S. Simic 2.

Luxol Sherries Estates: A. Azzopardi 4, I. Azzopardi, C. James 5, N. Xuereb 14, J. Johnson 21,M. Brincat 6, D. Tomasi 8, B. Smith 12, N. Djakovic.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Miguel De Flavia.

Starlites Revive……91

Athleta AtoZ……….73

(19-14)(25-19)(24-18)(23-22)

Se jkunu Starlites Revive li jaffrontaw lil Hibernians fil-finali tal-John Tabone Shield meta għelbu lil Athleta AtoZ 91-73 għar-ripetizzjoni tal-finali tas-Super Cup. It-tim ta’ Paul Ferrante kien aktar effiċjenti fiz-zona (61% kontra 55%) u wera organizzazzjoni aħjar fl-attakk b’44 punt minn taħt il-board.

Starlites ukoll sfruttaw il-veloċità tagħhom biex jiksbu 28 punt minn fast breaks u kisbu 25 punt mill-bank. Athleta kienu kompetittivi fit-tieni sessjoni, iżda Starlites għamlu run ta’ 16-0 li ħolqot il-vantaġġ deċiżiv.

Fit-tieni nofs żammew il-kontroll u temmew fuq nota pożittiva biex kisbu rebħa oħra. Għall-Athleta kien hemm id-debutt ta’ Marcus Duffy li beda dan l-istaġun ma’ Starlites hekk kif kien ħa sehem fis-Super Cup.

Il-partita kellha bidu kwiet bi Starlites jieħdu vantaġġ ta’ 2 punti wara żewġ trippli ta’ Alec Felice Pace. Wesley Jordan wieġeb għall-Athleta u basket ta’ Duffy għamel l-iskor indaqs 10-10. Hawn Starlites għamlu tlett trippli oħra minn Jackson Threadgill u tnejn ta’ Musa Jallow biex temmew it-taqsima 19-14 minn fuq.

Starlites kellhom l-aħjar bidu tat-tieni perjodu meta għamlu run ta’ 13-0 li bdewha bi trippla ta’ Ian Felice Pace flimkien mal-punti ta’ Matthew Scerri u Travis Fee. Athleta rkupraw bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Jordan u naqqsu d-distakk għal 12-il punt 25-37. Mill-ġdid kienu Starlites li kabbru l-vantaġġ wara punti minn Threadgill u trippla ta’ Iturmendi qabel ma Athleta għalqu b’sitt punti konsekuttivi għal skor ta’ 44-33 fl-intervall.

Fit-tielet sessjoni, Starlites komplew jinqatgħu fuq quddiem bi break qasir ta’ 6-2 u ieħor ta’ 6-0 fejn Threadgill kompla jikseb aktar punti. Athleta kellhom mument tajjeb bi break ta’ 8-0, però pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites bi trippli ta’ A. Felice Pace u Miguel Fabri. Wara punti fuq kull naħa, Starlites għalqu l-perjodu b’sitt punti oħra għal skor ta’ 68-51.

Fl-aħħar sessjoni, Starlites komplew bi break ta’ 10-3 maqsum bejn Iturmendi u Threadgill. Athleta wieġbu b’sitt punti qabel ma Ian Felice Pace u Iturmendi għamlu żewġ trippli oħra. Fl-aħħar ħinijiet Athleta għamlu run ta’ 13-2 bi trippla ta’ Luca Borg biex għamlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 91-73.

Starlites Revive: A. Felice Pace 14, K. Fabri, T. Fee 7, A. Aquilina 2, I. Felice Pace 9, M. Fabri 6, M. Scerri 8, J. Iturmendi 15, J. Threadgill 22, M. Jallow 8.

Athleta AtoZ: K. Fabri 2, M. Duffy 9, S. Ebaleshvili 4, R. Vitale 4, I. Bonett 2, D. Goodman 4, M. Spiteri 4, A. Bozanic 2, I. Medved 2, L. Borg 7, J. Cefai, W. Jordan 33.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Andre Attard, Jacques Siefert