Basketball Sport

John Tabone Shield Nisa: Finali bejn Starlites Reviveu Caffè Moak Luxol

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Starlites Revive……53

Hibernians………….52

(15-8)(16-14)(8-17)(14-13)

Starlites Revive għelbu lil Hibernians b’distakk minimu 53-52 f’partita mill-aktar bilanċjata tal-John Tabone Shield. Iż-żewġ timijiet kienu prattikament identiċi fir-rebounds (46 kull wieħed) u lanqas ma kien hemm differenza fil-punti minn turnovers jew mill-offensive rebounts.

Hibs kienu aktar effettivi fiz-zona, iżda Starlites għelbu dan bil-pressjoni fuq il-perimetru u aktar konsistenza fil-free-throws (64% kontra 58%). Għal din il-partita Starlites kienu taħt it-tmexxija tal-coach Brandon Cassar filwaqt li rkupraw lil Catherine Cilia. Il-punti kienu skarsi fl-ewwel ħinijiet fejn primarjament waslu minn free-throws bil-Hibs ikollhom vantaġġ minimu ta’ basket 6-4. Hawn Starlites irnexxielhom jagħqqdu run ta’ 10-2 bi trippli ta’ Philippa u Mikela Riolo biex temmew l-ewwel sessjoni 15-8 minn fuq.

Fit-tieni perjodu, Hibs kellhom il-punti ta’ Josephine Diaby però Starlites komplew bi trippli minn M. Riolo biex baqgħu quddiem 21-12. Wara punti tal-Amerikana Hailey Macleod għal Hibs kien imiss lil Becky Naudi biex tikseb żewġ trippli għal Starlites li fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 29-19. Lejn tmiem il-perjodu, Steffi De Martino naqqset id-distakk però foul fl-aħħar sekonda poġġa lil Haverlock fuq il-free-throw line għal 2 minn 2 biex Starlites daħlu jistrieħu 31-22 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Hibs irnexxielhom inaqqsu d-distakk b’sitt punti konsekuttivi minn Diaby u De Martino għalkemm Starlites kellhom risposta bi trippla ta’ Haverlock. Macleod, De Martino u Dibay komplew inaqqsu d-distakk għal Hibs hekk kif fis-seba’ minuta kien hemm erba’ punti jifirdu liż-żewġ timijiet 39-35.

Hibs ippareġjaw 39-39 wara punti minn De Martino u hekk kif l-ebda tim ma sab il-basket, it-taqsima ntemmet b’dak l-iskor. Wara żewġ minuti bla punti fl-aħħar taqsima waslet trippla fuq kull naħa minn Macleod u Haverlock qabel ma baskets ta’ De Martino u Sasha Lecuyer poġġew lil Hibs fuq quddiem. Kien hemm trippla ta’ Haverlock però Hibs wieġbu immedjatament permezz ta’ Lara Micallef.

Fl-aħħar minuta kien hemm minn kollox fejn wara li Hibs fetħu vantaġġ ta 5 punti, Starlites wieġbu bi trippla ta’ M. Riolo u free-throws ta’ Naudi u għamlu l-iskor indaqs 51-51 b’24 sekonda fuq l-arloġġ. Kien għad fadal 17-il sekonda u Lecuyer poġġiet lil Hibs għal darb’oħra fuq quddiem, iżda fl-attakk ta’ wara Haverlock b’offensive rebound tat vantaġġ lil Starlites 53-52.

Hibs ma rnexxielhomx jiskurjaw fl-attakk ta’ wara biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 53-52 u saru l-ewwel finalisti fost il-ferħ tal-partitarji u uffiċjali tagħhom.

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 14, C. Cilia, P. Riolo 7, J. Formosa, S. Abugrin, M. Fenech 1, R. Naudi 8, G. Haverlock 23, F. Vella, L. Zammit, K. Gatt

Hibernians: L. Micallef 5, I. Agius, S. Lecuyer 3, A. Saliba, J. Abela, M. Bonett 4, S. De Martino 11, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 16, J. Diaby 14, K. Sammut.

Referees: Gordon Barbara, Wendell Lim

Betsson Depiro……….74

Caffè Moak Luxol……78

(16-16)(16-17)(21-21)(21-24)

Caffe Moak Luxol kisbu rebħa ta’ 78-74 fuq Betsson Depiro f’partita li kienet miftuħa sal-aħħar minuti fit-tieni semifinali tal-John Tabone Shield. It-tim ta’ Roderick Vella kien aktar effiċjenti fiz-zona (63%) u sfrutta l-opportunitajiet tiegħu mil-linja tal-free throws (83%), filwaqt li żamm kontroll kostanti tal-logħba.

Depiro kienu kompetittivi tul il-konfront u rebħu fir-rebounds (46 kontra 35), iżda Luxol kienu aktar preċiżi fil-mumenti deċiżivi. Id-differenza waslet ukoll mill-punti mill-offensive rebounds (18 għal Depiro) li ma kinux biżżejjed biex idawru l-iskor favurhom, hekk kif Luxol żammew il-vantaġġ fl-aħħar tliet minuti b’mod partikolari fl-aħħar minuta.

Depiro għadom mingħajr Joselle Borg Cardona u Claire Privitera filwaqt li Luxol irkupraw lil Lisa Fenech Pace li tilfet l-aħħar partita.

Kienu Luxol li kellhom l-aħjar bidu meta ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Olivia Wikstrom, Sarah Sciberras u Sarah Fenech Pace. Mal-ħin però, Depiro bdew jirkupraw fosthom bi trippla ta’ Julia Borg u baskets minn Andrea Tollar Lopez  u Samira Deguara. Huma rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs fl-aħħar attakk 16-16 b’basket ta’ Neve Borg.

Fit-tieni perjodu, Luxol reġgħu bdew tajjeb meta għamlu seba’ punti mingħajr risposta minn Wikstrom, Vanya Baldacchino u Sarah Fenech Pace. Depiro kellhom risposta minn Lovely Sonnier però sas-seba’ minuta Luxol kienu għadhom 27-23 minn fuq. Depiro ppareġjaw permezz ta’ Sonnier iżda Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ bill-punti tal-aħwa Rebecca u Sarah Fenech Pace u minkejja li Julia Borg Xerri għamlet trippla għal Depiro, Luxol baqgħu punt minn fuq 33-32 fil-halftime.

It-tielet taqsima fetħet bi trippla ta’ Borg Xerri u Depiro fetħu vantaġġ ta’ sitt punti wara baskets ta’ Sophie Abela u Julia Borg. Luxol irkupraw u għaqqdu run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Rebecca Fenech Pace biex reġgħu marru minn fuq. Wara trippla ta’ J. Borg, Luxol komplew b’sitt punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Jada Said. Sa tmiem is-sessjoni Depiro kellhom il-punti ta’ Sonnier u Borg Xerri għal skor ta’ 53-54.

Fl-aħħar sessjoni, Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ iżda Wikstrom irrispondiet għal vjola. Sensiela ta’ trippli konsekuttivi mill-players ta’ Roderick Vella ħallewhom fuq quddiem, però Depiro għamlu sforz qawwi u sitt punti konsekuttivi wassluhom sa punt ‘il bogħod 69-70. L-aħħar minuta kienet interrota għal diversi drabi minħabba l-ammont ta’ fouls fosthom tnejn tekniċi kontra Depiro u finalment kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 78-74.

Betsson Depiro: S. Abela 2, Y. Mangion, N. Agius 4, J. Borg Xerri 14, J. Mallia, A. Tollar Lopez 2, C. Fenech, J. Borg 17, N. Borg 8, L. Sonnier 24, S. Deguara 3, H. Farag.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 5 , K. Magro, E. Axisa, L. Fenech Pace, H. Galea, R. Fenech Pace 8, J. Said 9, E. Abela 4, S. Fenech Pace 14, O. Wikstrom 31, V. Baldacchino 4, S. Sciberras 4.

Referees: Miguel De Flavia, Jacques Siefert